Fl-ewwel jum tas-sena, 45 persuna ċemplu fuq in-numru 179 għax ħassewhom waħedhom, esperjenzaw problemi fir-relazzjonijiet, jew saħansitra kienu qed jikkontemplaw suwiċidju.
ONE News żar iċ-ċentru fejn jidħlu dawn it-telefonati, fejn ġie infurmat li, f’dawn il-ġranet ta’ festi, daħlu medja ta’ 50 telefonata kuljum.
Svetlana Buttigieg, il-maniġer tas-servizzi tal-179, spjegat li fi żmien il-Festi ġiet innutata żieda fin-nies li ċemplu minħabba s-solitudni, sfidi ta’ saħħa mentali, u problemi fir-relazzjonijiet.
“Naraw li fi żmien il-Festi jiżdiedu ħafna t-telefonati relatati mas-solitudni. Pereżempju, sal-bieraħ stess kellna ħafna anzjani li ċemplu. Jgħidulek, pereżempju “mal-mara bħal daż-żmien kont nagħmel dawn l-affarijiet, norganizzaw xi ikla għall-familja, konna noħorġu,” jiġifieri ċemplulna ħafna persuni li tilfu lil xi ħadd għażiż għalihom u jkollhom nostalġija għaż-żmien meta kienu jqattgħu dawn iż-żminijiet tal-Festi flimkien.”
Fost it-telefonati li jidħlu, hemm dawk li jitrattaw każijiet ta’ vjolenza domestika.
Hawnhekk, l-operaturi tal-179 mill-ewwel iħeġġu biex isir rapport lill-Pulizija, u minn hemmhekk isir kuntatt ma’ dawk imsejħa risk assessors, fi ħdan l-Appoġġ, li jevalwaw każijiet ta’ din in-natura.
Il-leader tar-risk assessors fi ħdan l-Appoġġ, Carol Ellul, spjegat li l-vittmi f’dawn il-każijiet jibqgħu jiġu segwiti anki wara li jmorru d-Depot, u jiġu offruti l-għajnuna meħtieġa mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, speċjalment fejn ikun hemm involuti tfal.
“Wara li nkunu smajna lill-vittma u rajna x’ġara u r-riskju li tinsab fih, nibdew nistaqsu fuq is-servizzi. Naraw għandhiex bżonn shelter accomodation biex tkun sikura, jekk għandhiex bżonn legal aid, dak noffruh ukoll, u naraw flimkien x’għandha bżonn il-vittma. Nagħtu r-risk assessment lill-Pulizija u jiddeċiedu x’għandu bżonn isir.”
L-aktar każijiet delikati li jidħlu għand il-179 huma ta’ persuni li jkunu qed jikkontemplaw suwiċidju.
Hawnhekk ġie spjegat li l-operaturi huma mħarrġa apposta għal każijiet sensittivi bħal dawn, ta’ ħajja jew mewt.
“Nifhmu li dak ma jkunx il-ħin li tara eżattament għalfejn il-persuna għandha dawn il-ħsibijiet imma dak il-ħin naraw li l-emerġenza tkun li nilħqu lill-persuna fil-mument opportun qabel ma jkun tard wisq, nibqgħu mal-persuna fuq it-telefown u ngħajtu għall-assistenza. Naħdmu tajjeb ħafna mas-servizzi tal-112, fejn hemm is-servizzi tal-emerġenza jaħdmu id f’id magħna biex nilħqu lill-persuna qabel ma tagħmel xi att.”
L-appell hu biex kull min iħossu waħdu jew għaddej minn żmien iebes iċempel lill-179 u jiftaħ qalbu, għax ħafna drabi persuni li jkunu għaddejjin minn żmien ħażin ikollhom bżonn widna lesta biex tismagħhom biex iħossuhom xi ftit aħjar.