Ninsabu lesti.
Today #Malta commences it’s tenure as an elected member of the #UNSC which will provide us with an opportunity to contribute to the maintenance of international #peace & #security & gives us a chance to work towards safeguarding the values & principles enshrined in the #UNCharter pic.twitter.com/SbTcdKz2Jm
— Vanessa Frazier 🧡 (@_VanessaFrazier) January 1, 2023
Kliem ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Uniti fi New York, Vanessa Frazier, meta tkellmet ma’ One News dwar il-mandat tas-siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, li Malta ġiet eletta biex isservi fih għall-perjodu ta’ sentejn bejn l-2023 u l-2024.
Il-Kunsill tas-Sigurtà huwa wieħed mill-organi ewlenin tan-Nazzjonijiet Uniti u għandu bħala r-responsabbiltà primarja tiegħu ż-żamma tal-paċi u tas-sigurtà madwar id-dinja. Il-Kunsill huwa magħmul minn 15-il pajjiż.
Minn dawn, ħamsa huma permanenti, u dawn huma ċ-Ċina, il-Federazzjoni Russa, Franza, ir-Renju Unit, u l-Istati Uniti – ir-rebbieħa tat-Tieni Gwerra Dinjija. L-għaxar membri l-oħrajn mhumiex permanenti u jiġu eletti għal terminu ta’ sentejn mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.
Malta ġiet eletta biex isservi bejn l-2023 u l-2024 wara kampanja li wettqet bit-tema ‘Sigurtà, Sostenibbiltà, Solidarjetà’.
L-Ambaxxatriċi Frazier spjegat li, bi tħejjija għall-mandat, Malta ilha mill-bidu ta’ Ottubru li għadda tattendi u tirċievi d-dokumenti kollha tal-Kunsill tas-Sigurtà, iżda naturalment mingħajr id-dritt tal-kelma jew tal-vot. Dan għen biex, mill-1 ta’ Jannar, pajjiżna jkun jista’ jibda jservi mingħajr skossi.
“Dan huwa, naħseb, l-iktar challenge kbir li għandna fil-foreign policy tagħna. Sentejn huma twal. Hemm ħafna kunflitti – hemm 15-il kunflitt – li għandna nieħdu ħsieb, niddiskutu, qegħdin fuq l-aġenda tas-Security Council. Allura Malta se tkun qiegħda fuq il-mejda ma’ 14 oħra li se jiddeċiedu l-iktar policies importanti tan-Nazzjonijiet Uniti.”
Fost il-kunflitti li se jkunu fuq l-aġenda hemm dawk tal-Ukrajna, tas-Sirja, tal-Kolombja, tal-Myanmar, u tal-Mali, kif ukoll il-qagħda tan-nisa fl-Afganistan.
Fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tul dawn is-sentejn, Malta se jkollha wkoll il-Presidenza, darbtejn. L-ewwel Presidenza se tkun fi Frar li ġej, u t-tieni waħda f’April tal-2024.
“Fi Frar diġà nafu x’se jkun il-programm tagħna. Se jkollna inizjattiva fl-ewwel nofs ta’ Frar li se tkun fuq sea level rise, kif jolqot lill-gżejjer, u s-sigurtà tal-gżejjer. Imbagħad fi Frar jaqa’ l-anniversarju, l-ewwel sena tal-gwerra tal-Ukrajna, u allura ovvjament se jkun hemm ħafna meetings u diskussjonijiet fuq l-Ukrajna. L-ewwel ta’ Frar hemm ukoll l-anniversarju tal-kolp ta’ stat fil-Myanmar. Għandna programm mimli ħafna. Huwa xahar qasir imma diġà għandna l-programm, diġà għandna l-meetings kollha kif se nagħmluhom. “
Barra minn hekk, Malta se tkun qed tippresiedi wkoll numru ta’ organi sussidjarji tan-Nazzjonijiet Uniti, fosthom dawk li jiffokaw fuq it-tfal u l-kunflitti armati, il-ftehim mal-Iran dwar in-nukleari, u s-sanzjonijiet kontra l-Al-Qaida t-Talibani.