Jekk ħa tixrob, issuqx.
Dan l-appell drajna nisimgħuh f’dawn iż-żminijiet, u forsi tant kemm indara, li wieħed ma jaħsibx fil-konsegwenzi serji li jistgħu jinqalgħu f’inċidenti kkawżati mix-xorb eċċessiv.
Fl-aħħar jum tas-sena, ONE News żar id-Dipartiment tal-Emerġenza.
Il-konsulent mediku André Mercieca, spjega li għal ħafna ħaddiema, dan il-lejl marbut maċ-ċelebrazzjonijiet huwa bħal ġranet oħra ta’ ħidma, u fid-Dipartiment jiddomina sens ta’ altruwizmu u umanità.
Qal, “L-atmosfera fl-Emerġenza tkun ta’ ħafna xogħol, però naħseb ikun hawn ħafna dedikazzjoni mill-istaff. Naraw ħafna każijiet ta’ problemi mediċi li naraw is-sena kollha però naraw ukoll ħafna intossikazzjonijiet tal-alkoħol u d-drogi, ġlied u inċidenti tat-traffiku li jistgħu jkunu kawża ta’ alkoħol jew affarijiet oħra.”
Kull inċident huwa ikrah, imma f’dawn iż-żminijiet tas-sena jħallu timbru akbar, speċjalment fuq il-qraba tal-vittmi.
It-tabib Mercieca tkellem magħna dwar inċident li esperjenza snin ilu proprju f’dawn iż-żminijiet.
Kien l-aħħar lejl tas-sena, meta omm u missier flimkien maż-żewġt itfal tagħhom ta’ tliet snin u ħames snin, kienu sejrin lura d-dar ftit wara nofsillejl, u xi ħadd allegatament xurban, daħal ġo fihom bil-karozza.
Qal, “Li niftakar li l-omm u l-missier kienu ħażin ħafna jiġifieri kienu fil-periklu tal-mewt u għadni niftakar it-tfal, li tħares f’għajnejhom u tipprova tispjegalhom is-sitwazzjoni, tipprova ssib lil xi ħadd min jieħu ħsiebhom għax ma kellhom ħadd min joqgħod magħhom u naħseb meta niftakar, għadu jaqbadni l-bard.”
Il-konsulent mediku appella li anki jekk persuna taħseb li grokk wieħed ma jagħmilx ħsara, l-inqas qatra tista’ twassal għal inċident, li jista’ jweġġa’ mhux biss lill-individwu li jkun xorob, imma anki ħajjiet innoċenti li jkunu fit-triq.
Qal, “Dawn il-pazjenti ġieli jdumu, jekk jgħixu, idumu xhur jekk mhux snin twal ta’ rijabilitazzjoni, operazzjonijiet, problemi legali u kriminali tas-sitwazzjoni, u ovvjament l-emozzjonijiet li jqanqlu fil-familja tagħhom apparti problemi finanzjarji li jinqalgħu allura naħseb ta’ min naħsbuha darbtejn qabel ma nagħmlu ċertu affarijiet. Kuljum però fl-ewwel tas-sena għandu jkun hemm iktar konċentrazzjoni.”