Bħalissa għaddejjin diskussjonijiet biex jissaħħu l-liġijiet u jiħraxu l-multi bil-għan li jonqsu l-inċidenti fit-toroq u tissaħħaħ is-sigurtà.
Ħabbar dan il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, f’intervista esklussiva ma’ ONE News fi tmiem sena oħra tiegħu fit-tmun tal-Korp, li fiha tkellem dwar l-infurzar tal-ordni f’inċidenti nazzjonali.
Huwa aċċenna li s-sigurtà fit-toroq hija responsabbiltà ta’ kulħadd u għaddejjin diskussjonijiet biex jiħraxu ċertu multi, fosthom l-użu tal-mobiles waqt is-sewqan.
Bl-istess mod qed tkun diskussa bidla fil-liġi dwar it-test tal-breathalyzer li jsir mill-Pulizija.
Qal, “Il-Pulizija għandha l-poter li tagħmel breathalyzer test. Hemmhekk għaddejjin diskussjonijiet biex il-poter ikun poter iktar effettiv. Xi rrid ngħid b’dan? Per eżempju llum il-ġurnata, il-Pulizija ma tistax taqbad u tagħmel random breathalyzer test, irid ikollok is-suspett li xi ħadd ikun taħt l-influwenza tax-xorb waqt is-sewqan allura anki hemmhekk għaddejjin diskussjonijiet biex kemm jista’ jkun ikollna dawn it-testijiet iktar mifruxin mingħajr dan l-ixkiel.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija spjega li fil-preżent, it-test tal-breathalyzer iġib miegħu piena ta’ priġunerija u qed tkun diskussa l-possibilità li minflok, dan it-test jibda jġorr miegħu multi ikbar u iktar ħorox.
“Il-breathalyzer iġib miegħu piena ta’ priġunerija u la hemm il-piena tal-priġunerija, dak li jkun għandu aċċess għal avukat u allura dan kollu jkun qed itawwal il-proċess u allura hemm diskussjonijiet biex rather milli jkollok priġunerija, ikollok multi ikbar u penalitajiet ikbar u allura naħseb dak li jkun għandu jaqta’ iktar qalbu milli jixrob waqt is-sewqan.”
Fuq kollox, il-Kummissarju saħaq li s-sewqan mhuwiex dritt, imma privileġġ.
Qal, “Is-sewwieqa Maltin għandhom ikunu verament edukati li l-fatt li qegħdin f’karozza wara steering wheel, dak huwa privileġġ.”