Tħabbret il-mewt ta’ Papa Benedittu VXI fl-età ta’ 95 sena.
Il-Papa Benedittu XVI, li ismu propju huwa Joseph Aloisius Ratzinger twieled nhar is-16 t’April tal-1927, fil-belt Ġermaniża ta’ Bavaria.
Huwa kellu biss sitt snin meta l-Partit Nazzista kiseb il-poter fil-Ġermanja.
Iben pulizija u koka, u l-iżgħar fost tlett itfal, Benedittu daħal is-Seminarju fis-sena 1939, biex jirreżisti l-ħakma Nazzista f’ pajjiżu.
Ta’ min jgħid ukoll li missieru kien Kattoliku u kien jopponi b’saħħa l-Partit Nazzista. Fil-fatt, għal perjodu qasir, Joseph Ratzinger kien membru tal-Hitler Youth, hekk kif din is-sħubija saret mandatorja fl-1941.
Fl-1943, hu u oħrajn li kienu miegħu is-Seminarju, iddaħħlu fl-armata, fl-hekk imsejħa anti-aircraft corps. F’ intervista fl-1993, Ratzinger qal li meta kien stazzjonat viċin l-Ungerija, huwa ra Lhud Ungeriżi, hekk kif kienu fi triqthom lejn il-kampjiet tal-konċentrament.
Aktar tard, hu ġie maħtuf minn suldati Amerikani, u kien priġunier tal-gwerra għal diversi xhur.
Wara l-Gwerra, huwa kompla bl-istudji tiegħu ġewwa s-Seminarju, u sar qassis fl-1951. Fl-1953, huwa kiseb dottorat fit-teoloġija mill-Università ta’ Munich.
Wara li kiseb il-liċenzja tat-tagħlim fl-1957, huwa beda jgħallem it-teoloġija fi skola, u aktar tard f’ bosta universitajiet.
Fl-1969, huwa beda jgħallem fl-Università ta’ Regensburg, fejn aktar tard sar Viċi President.
Barra minn hekk, huwa kiteb bosta xogħolijiet teoloġiċi, li ġibdu l-attenzjoni tal-Arċisqof ta’ Cologne, Joseph Frings, li ħatru bħala l-assistant espert tiegħu għat-tieni kunsill tal-Vatikan.
Meqjus bħala wieħed mill-aktar progressivi f’dan il-kunsill, Ratzinger oppona lil dawk li riedu jillimitaw ir-riformi.
Minkejja dan, is-snin li Ratzinger għamel jgħallem fl-Università skond ħafna dawrulu l-ħsibijiet tiegħu. Fil-fatt, ħafna jindikaw li l-protesti studenteski relatati mal-Kristjaneżmu li ra, fakkruh fit-tattiċi tal-partit Nazzista u b’hekk addotta valuri aktar konservattivi.
Kien propju Marzu tal-1977, meta hu ordnat Arċisqof ta’ Munich u Freising. 3 xhur wara huwa ġie kreat kardinal.
Fl-1981, huwa ġie maħtur prifett tal-Kongregazzjoni tad-Dotrinazzjoni tal-Fidi, mill-Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni. Għal aktar minn żewġ diċenji, huwa serva bħala l-aktar konsulent qrib il-Papa.
Tul din il-kariga, hu kkundanna il-liberazzjoni tat-teoloġija u rażżan bosta teoloġisti liberali.
Minkejja dan, huwa kien imfaħħar minn bosta għall-umiltà u l-ġentilezza tiegħu, kif ukoll il-bosta talenti li kellu, fosthom id-diversi ilsna li kien jitħadded bihom u t-talent tal-pjanu.
Huwa kien jemmen li r-reliġjon kattolika hija superjuri minn reliġjonijiet oħrajn, iżda kien jagħmel sforz biex joħloq djalogu ma’ reliġjonijiet oħrajn.
Il-ħatra tiegħu bħala Papa kienet sorpriża għall-bosta, hekk kif minkejja li kien fost il-favoriti, dawk li jkunu favoriti għall-kariga, rari jintgħażlu.
Minkejja li kien talab biex ma jintgħażilx, huwa ġie maħtur Papa fid-19 t’April tal-2005, fl-eta’ ta’ 78, wara li kiseb il-fiduċja b’maġġoranza f’Konklavi. B’hekk huwa sar l-akbar Papa fl-età, li ġie elett mis-sena 1730.
Huwa kompla fuq il-passi tal-preċedessur tiegħu sabiex jinħoloq djalogu bejn il-Ġudaiżmu, l-Islam u knejjes oħra Kristjani.
Il-Papa Benedittu kien stqarr ukoll li wieħed mill-għanijiet ewlenin tiegħu huma li jagħti nifs ġdid lill-Knisja Kattolika fl-Ewropa. Benedittu kien iddikkjara wkoll li se jimxi fuq l-ideat konservattivi tal-Papa ta’ qablu rigward bosta suġġetti.
Fl-ewwel snin tiegħu bħala papa, Benedittu żar bosta pajjiżi, fosthom it-Turkija, fejn iltaqa’ mal-Patrijarka Ekumeniku ta’ Kostantinopli, bit-tama li tissaħħaħ ir-relazzjoni bejn il-Knisja Kattolika u dik Ortodossa tal-Punent.
Fis-sbatax t’ April, fis-sena 2010, Papa Benedittu XVI żar pajjiżna. Din kienet it-tielet żjara Papali f’pajjiżna wara li l-Papa Ġwanni Pawlu t-tieni żar pajjiżna fl-1990 u l-2001.
Iż-żjara ta’ Papa Benedittu XVI f’pajjiżna kienet waħda qasira hekk damet biss madwar 26 siegħa. Fost oħrajn hawnhekk huwa kien iltaqa’ mal-vittmi ta’ abbuz minn membri tal-kleru.
B’rabta ma’ pajjiżna wkoll, Papa Benedittu XVI kien ikkanonizza lil Dun Ġorg Preca bħala l-ewwel qaddis Malti fl-istorja ta’ kwazi elfejn sena ta’ Kristjaneżmu f’Malta.
Hu ippubblika linji gwida sabiex il-Quddiesa bil-Latin issir bl-istess mod kif kienet issir qabel ir-riformi li saru fit-tieni kunsill tal-Vatikan, filwaqt li ppubblika wkoll żewġ enċikliki.
Fl-2007, hu approva d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali tat-Teoloġija, li kkonkluda deċiżjonijiet differenti dwar il-limbu, u trabi mhux mgħammda.
Fi żjara ġewwa l-Brazil, hu kkanonizza lill-Patri Antonio Galvão, l-ewwel qaddis Brażiljan.
Huwa bidel ukoll il-proċess tal-elezzjonijiet papali u reġa’ daħħal mill-ġdid il-prassi li papa jeħtieġ maġġoranza ta’ żewġ terzi biex jiġi magħżul.
Fl-2010, allegazzjonijiet ta’ abbuż fiżiku u sesswali minn qassisin, fil-Ġermanja, l-Irlanda u l-Istati Uniti u partikolarment l-irwol tiegħu fil-każijiet Ġermaniżi, ġibdu l-attenzjoni ta’ bosta madwar id-dinja. F’ittra pastorali, huwa indirizza n-nuqqasijiet fit-tmexxija tal-Knisja Irlandiża.
Il-Vatikan ċaħad l-akkużi li Benedittu għatta dawn il-każijiet t’ abbuż.
Fi Frar tal-2013, huwa ħabbar ir-riżenja tiegħu minħabba raġunijiet ta’ saħħa. Waqt l-aħħar indirizz tiegħu, fil-Pjazza tal-Vatikan, Benedittu indirizza udjenza ta’ aktar minn ħamsin elf ruħ. Hu rriżenja uffiċjalment fit-28 ta’ Frar, biex b’hekk ħa t-titlu ta’ Papa Emeritu.
Din ir-riżenja kienet waħda unika, f’perjodu ta’ madwar 600 sena, hekk kif l-aħħar Papa li rriżenja kien Gregory XII fis-sena 1415. Huwa kien ukoll l-ewwel Papa li rriżenja b’mod volontarju mir-riżenja ta’ Celestine V, fl-1294.
F’rapport ikkummisjonat mill-Arċidjoċesi ta’ Munich, il-Papa Emeritu ġie akkużat li fiż-żmien tiegħu bħala Isqof, huwa naqas milli jaġixxi f’ minn tal-inqas erba’ każi ta’ abbuż sesswali.
Huwa ċaħad l-involviment tiegħu, iżda talab maħfra għall-mod kif aġixxa f’ dawn il-każijiet.
Intant fi stqarrija l-Gvern sellem il-memorja tal-Papa Emeritu Benedittu XVI fejn spjega kif kellu rabta ma’ pajjiżna wara li kien il-Papa li kkanonizza lil Ġorġ Preca bħala l-ewwel qaddis Malti.
Qal kif Papa Benedittu XVI kien anki żar pajjiżna f’April tal-2010 u wara ż-żjara appostolika tiegħu kien esprima gratitudni għal-laqgħat sbieħ li tah il-poplu Malti u Għawdxi.
Filwaqt li nnota l-laqgħa li kellu fuq livell personali meta l-Papa Benedittu XVI żar pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka għal-laqgħat sinifikattivi li kellu l-Papa f’Malta, fosthom maż-żgħażagħ.
Il-Gvern ta’ Malta sellem il-memorja ta’ Papa Benedittu XVI u ta l-kondoljanzi lill-Istat tal-Vatikan.
B’reazzjoni għal dan il-President ta’ Malta George Vella sellem il-memorja ta’ Papa Benedittu XVI u qal kif ilkoll niftakru b’għożża ż-żjara tiegħu f’Malta fl-2010.
On behalf of the Government and the People of Malta, I salute the memory of Pope Emeritus Benedict XVI. We all fondly remember his visit here in Malta in April 2010. pic.twitter.com/lkq4b4ir3k
— President of Malta (@presidentmt) December 31, 2022
F’isem il-Gvern, il-Prim Ministru Robert Abela wassal il-kondoljanzi tiegħu lill-Vatikan u qal ukoll kif il-Poplu Malti se jibqa’ jiftakar iż-żjara tiegħu f’pajjiżna.
I pay tribute to Pope Emeritus Benedict XVI. The people of Malta recall the visit of His Holiness, where he conveyed a message of unity. On behalf of @MaltaGov I send my condolences to the Holy See. – RA pic.twitter.com/v9oVlUavhE
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) December 31, 2022