L-elfejn tnejn u għoxrin kienet sena fejn rat il-Gvern jaħdem bis-sħiħ fuq it-tisbiħ ta’ ġonna u l-ħolqien ta’ iktar spazji miftuħa.
Proġetti minn entitajiet differenti fissru inizjattivi diversi, iżda li fl-aħħar mill-aħħar kellhom skop wieħed: dak li jinħolqu postijiet ġodda li jitgawdew mill-familji.
Bħal fil-Qortin Għawdex, post li kien iservi ta’ miżbla ġie rijabilitat u llum huwa post fejn wieħed jista’ jmur jimxi mixja u jgawdi xenarju mill-isbaħ. L-istess sar b’Wied Fulija, is-sena li għaddiet.
Fl-istess waqt, il-Park Nazzjonali ta’ Ta’ Qali għaddej minn riġenerazzjoni qawwija biex joffri esperjenza isbaħ lill-familji li jżuruh.
Konxju mill-importanza ta’ investiment f’postijiet ta’ dan it-tip il-Gvern ra li x-xogħol ikun mifrux mal-pajjiż kollu.
Mill-Kalkara, għall-Mosta, għal Santa Venera, il-Marsa, San Ġwann u l-Ħamrun fost oħrajn.
Proġetti kbar u oħrajn iżgħar iżda innovattivi. Bir-riżultat ikun apprezzat minn dawk li jżuruhom.
“Ġibt it-tifel bir-rota. Għax ‘safe’ hux, m’hawnx karozzi.”
“Naqra relax mal-familj, ħriġna naqra l-kelba dalgħodu u ġejna daqsxejn ingawdu t-temp u x-xemx.”
“Niġu hawn fejn jieħdu pjaċir it-tfal.”
“Ingawdu daqsxejn il-kampanja mal-familja u jkollok mument ta’ mistrieħ fejn tkun tista’ tgawdi.”
“Għax niġi hawn nieħu pjaċir, hawn l-arja sabiħa.”
Din il-ħidma mistennija tissokta tul is-sena li ġejja, bil-Gvern isemmi fil-Budget kif se jibda x-xogħol fuq l-implimentazzjoni tal-wiegħda elettorali tal-ikbar investiment f’dawn it-tip ta’ spazji.
U jekk is-sena elfejn u tnejn u għoxrin hi xhieda ta’ kif dawn il-proġetti se jieħdu l-ħajja, allura s-sinjal huwa inkoraġġanti.
“Għalina huwa mod kif niżvugaw u nippreparaw għal ġimgħa ħidma oħra, mingħajr postijiet bħal dawn, naħseb inbatu biex inżommu ruħna bilanċjati.”