F’April tal-1975, l-eks plejer Brażiljan Pelé kien għamel żjara ta’ tlett ijiem f’pajjiżna.
ONE News tkellem mal-eks plejer tat-tim nazzjonali Malti, Michael Degiorgio li kien fost l-erba’ mitt tifel li dakinhar kien hemm fil-Grawnd tal-Gżira, li lagħbu u ltaqgħu ma’ Pelé.
“Esperjenza kbira għal dak iż-żmien u għadni niftakara sal-lum jiġifieri jien kull ma’ kelli 12-il sena. Aħna konnha parti miċ-Ċentru Sportiv Edukattiv ta’ Fr Hilary. Niftakar kienu għażlu tfal miċ-ċentru stess u konna għamilna dik is-session training u mhux logħba għax session training fuq teknika u skills li Pelé żġur kien kapaċi li jurina.”
Jgħid li messaġġ li għadda l-aqwa plejer fid-dinja kien reliġjuż, hekk kif qabel kull logħba kien irodd is-salib u kien jgħin lil dawk l-aktar fil-bżonn.
Degiorgio qal li Pelé kien ta’ ispirazzjoni, anki matul il-karriera tal-futbol tiegħu.
“Illum, għadna nitgħallmu minn dawk l-affarijiet, illum qiegħed kowċ mat-tfal nipprova l-iskills speċjalment il-Brażiljani, li għat-tfal huma importanti ħafna, jiġifieri kien jagħti ħafna importanza l-iskills għax jekk ma jkollokx skills fil-futbol, jista’ jkollok ħafna affarijiet tajbin għax il-ballun int trid tikkmandah u mhux jikkmandak hu.”