“Iltqajt ma’ bniedem veru ġentili.”
Dan kien il-mod kif Anthony Grech iddiskriva mumenti minn ħajtu fejn iltaqa’ mal-leġġenda mibki tal-futbol Pelé.
Anthony kien jaħdem f’lukanda ewlenija f’pajjiżna meta wasal Pelé Malta fl-elf disgħa mija ħamsa u sebgħin, u kien hemm li ra lil Pelé mil-lat differenti.
Bħala persuna barra l-grawnd fejn tintlagħab il-logħba tal-ballun.
F’intervista ma’ dan l-istazzjon, huwa wriena diversi ritratti li jimmarkaw memorji mill-isbaħ mal-leġġenda tal-futbol Brażiljan.
Fost oħrajn huwa rrakkonta episodju bejn Pelé u mara anzjana li riedet tieħu ritratt miegħu, liema episodju baqa’ jpoġġilu tbissima fuq fommu sal-ġurnata ta’ lum.
“Għamlet il-kamera tar-ritratti hekk, marru biex jieħdu ritratt, u l-bozza ma faqqatx, dak iż-żmien kienu bil-bozza, u din miskina ddisprat. Qalilha, “Nevermind, nevermind madam. We’ll do it again.” Dak il-ħin ħareġ il-veru bniedem ġentili, għax kieku kien ħaddieħor forsi kien jgħid, “issa dabbar rasek.”
Huwa kompla jirrakkonta kif meta kien qiegħed fil-lukanda li jaħdem fiha hu, Pelé kien jitratta lil kulħadd b’rispett, u minkejja li kien persuna magħruf mad-dinja kollha, xorta waħda baqa’ umli sal-aħħar.
Anthony qalilna kif huwa wkoll ittanta xortih, u staqsa lil Pele għall-firma tiegħu.
“Kont għamiltha ta’ wiċċi tost u għidtlu, “Mr Pelé, do you mind giving me your autograph?” Qalli, “No problem.” Issa għandi l-firma tiegħu u ritratti flimkien jien u hu. Hemm ħafna xi tgħid fuqu, peró trid tkun selettiv biex tipprova toħroġ il-ġentilezza tal-mibki Pele.”
Anthony temm jgħid kif minkejja li għadda ż-żmien u Pelé miet, il-legat tiegħu se jibqa’ magħruf għas-snin li ġejjin.
“Id-dinja kollha tilfet xempju tal-futbol. Illum vera tisma’ b’ħafna plejers ta’ fama, peró, naħseb li baqalhom ħafna biex jilħqu l-istess statut ta’ Pelé.”