Sal-aħħar ta’ din is-sena huwa stmat li se jkunu waslu f’pajjiżna madwar żewġ miljun u mitejn elf turist.
Din iċ-ċifra, meħuda bejn April u Diċembru tal-2022, meta mqabbel mat-12-il xahar tal-2019 – is-sena meqjusa l-aqwa għas-settur turistiku f’pajjiżna – hija waħda inkoraġġanti, għax hija qrib ħafna tal-2019, l-aħħar sena qabel faqqgħet il-pandemija.
Dwar l-andament turistiku, ONE News tkellem maċ-Chairman tal-Awtorità għat-Turiżmu, Gavin Gulia, li spjega kif l-ewwel kwart tas-sena jagħti stampa ċara tal-andament turistiku għall-kumplament tas-sena.
“Fil-fatt, fl-ewwel kwart tas-sena 2020, konna ġibna turisti aktar minn qatt qabel, jiġifieri dak il-kwart tal-2020 kien l-aqwa f’kull żmien. Meta inti tibda tajjeb, is-sena, iċ-chances huma li s-sena tkompli tajjeb u nkunu nafu li diġà nkunu qegħdin niksru r-rekord.”
F’April ta’ din is-sena tneħħew ir-restrizzjonijiet fuq is-safar f’Malta, u l-ajruport minnufih reġa’ beda jkun bieżel u mimli bl-attività. Dan ma seħħx b’kumbinazzjoni iżda għax, fix-xhur li matulhom is-settur turistiku kien l-aktar milqut mill-pandemija, ħidmet l-Awtorità kienet iffukata, fost l-oħrajn, biex operaturi tat-turiżmu lokali jiġu sostnuti.
“Kien importanti ħafna li tieħu ħsieb lil min kien qed jieħu ħsieb dak is-servizz għax, jekk jisparixxi, imbagħad, inutli tipprova tħajjar divers jiġu ġewwa pajjiżna, tħajjar nies li huma interessati fil-kultura jiġu ġewwa pajjiżna; allura dak kien fundamentali, li aħna ngħinu lill-operaturi Maltin. Dak hu s-sabiħ tiegħu, għax l-operaturi, l-industrija Maltija hija indiġena, jiġifieri l-biċċa l-kbira, aktar minn 90 fil-mija, l-operaturi huma Maltin u huwa tajjeb għaliex il-profitti ma jitilqux barra minn Malta; il-profitti li jsiru jibqgħu ġewwa pajjiżna u jiġu ri-investiti ġewwa pajjiżna.”
Il-konnettività ta’ pajjiżna ma’ pajjiżi oħrajn ukoll hija kruċjali sabiex pajjiżna jkun attraenti għat-turisti minn swieq differenti.
“Illum għandna l-Polonja, illi huwa suq meravilja tal-meravilji. Qabel l-2019 kien qiegħed jikber u mbagħad sofra minħabba l-pandemija, bħal kull suq ieħor, u diġà qiegħed juri l-istess tkabbir issa li qegħdin f’dan l-istadju ta’ rkupru u akbar. Biżejjed ngħidlek li, mill-Polonja, diġà ġibna 130,000 turist f’disa’ xhur meta fl-2019, li kienet l-aqwa sena, konna ġibna 109 elef fis-sena kollha. Jiġifieri s-suq Pollakk qiegħed jisboq l-istess suq matul l-2019.”
Iżda, wara n-numri, hemm ħafna ħidma kontinwa, li wasslet ukoll biex, permezz tat-turiżmu diversifikat, qed tiġi eliminata l-istaġjonalità turistika.
“Aħna tgħallimna li nbigħu lil pajjiżna barra s-sajf ukoll, u dan huwa importanti ħafna għaliex id-diversi destinazzjonijiet li hawn fil-Mediterran, hawn ħafna li jagħlqu wara s-sajf, mentri aħna destinazzjoni – jekk mhux l-unika destinazzjoni – illi qegħdin inbigħu t-turiżmu u miftuħin għat-turiżmu tul is-sena kollha proprju grazzi għad-diversifikazzjoni li wettqet l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’mod u manjiera li noffru prodott diversifikat lit-turist u għall-gosti differenti ta’ turisti differenti.”
Dr Gulia żied jgħid li l-industrija turistika mhux l-ewwel darba li qadfet kontra l-kurrenti.
“Però, dejjem uriet li hija reżiljenti, jiġifieri it bounces back, u din ġrat meta kienet inqalgħet il-gwerra tal-Iraq, meta kien hemm il-kriżi finanzjarja tal-2008, kien avvenimenti li kienu affettwaw it-turiżmu b’mod negattiv, imma dejjem ħriġna tajjeb minnhom u ħriġna aktar b’saħħitna; u hekk nemmen jiena li, wara l-pandemija, diġà qegħdin nuru li se noħorġu aktar b’saħħitna u nemmen li fl-2023 se nkunu ħriġna aktar b’saħħitna.”