Tħabbret il-mewt tal-eks attakkant tat-tim Brażiljan tal-futbol Pelé, li skont ħafna analisti huwa l-aqwa plejer tal-ballun li qatt rat id-dinja, fl-età ta’ 82 sena.
Huwa miet wara li għal dawn l-aħħar snin kien qed isofri minn problemi fil-kliewi u l-prostita. Għal din l-aħħar sena kien qed jiġġieled il-battalja tal-kanċer, madankollu f’dan l-aħħar żmien ma setax jingħata aktar kura.
Pelé twieled fit-23 ta’ Ottubru tal-1940 u kien iben il-plejer ta’ Fluminese, Dondinho u Celeste Arantes. Huwa kien l-ikbar wild ta’ din il-koppja minn żewġt itfal li kellhom.
Minn ta’ eta żgħira huwa kien diġa juri l-imħabba lejn il-futbol u sħabu l-iskola tawh il-laqam ta’ Pele.
Fit-trobbija tiegħu huwa kien jgħix fil-faqar f’villaġġ fil-belt ta’ Sao Paulo u kien qed jitgħallem il-logħba tal-ballun mingħand missieru, minħabba li familtu ma kellhomx biżżejjed flus biex iħallsulu sabiex jitrenja jilgħab il-futbol.
Meta kien żagħżugħ, huwa mbagħad beda jilgħab il-futsal u hemmhekk huwa beda juri t-talent kbir li kellu għal-logħba tal-ballun.
Il-kowċ tal-klabb tal-futsal ra l-kapaċita li għandu dan iż-żagħżugħ ta’ ħmistax-il sena u ħadu sabiex jipprova l-futbol professjonali mat-tim ta’ Santos. Il-kowċ ta’ Pele qalhom li dan għad ikun l-aqwa plejer tal-futbol fid-dinja.
Ippressjona fil-prova li kellu u f’Ġunju tal-1956 huwa ffirma l-ewwel kuntratt professjonali tal-futbol.
Minn hemm l’ hemm Pelé ma ħarisx lura, hekk kif huwa baqa’ mal-klabb ta’ Santos sal-1974.
Ma’ dan il-klabb Brażiljan huwa lagħab 636 logħba u skurja 618-il gowl.
Pelé jibqa’ magħruf għal karriera eċċeżjonali li kellu mat-tim Brażiljan.
Pelé rebaħ it-Tazza tad-Dinja mat-tim nazzjonali Brażiljan għal tliet darbiet; fl-1958, fl-1962 u fl-1970. Huwa l-iżjed plejer tal-futbol li qatt rebaħ din il-kompetizzjoni tant prestiġjuża.
Lagħab l-ewwel logħba man-nazzjon, sena wara li ffirma l-kuntratt mat-tim ta’ Santos, jiġifieri fl-1957. Dik is-sena stess huwa skurja mat-tim Brażiljan u sar l-iżgħar plejer li qatt skurja mat-tim Brażiljan, fl-eta ta’ sittax-il sena.
Sena wara, Pelé kien mal-iskwadra Brażiljana fit-Tazza tad-Dinja li saret fl-Iżvezja. Fis-semi-finali kontra Franza, skurja hat-trick u sar l-iżgħar plejer fl-istorja tat-Tazza tad-Dinja li għamel dan. Dan wassal biex il-Brażil għaddew għall-finali u rebħu din il-kompetizzjoni prestiġjuża.
Fit-Tazza tad-Dinja tal-1962, il-plejer Brażiljan kien ikkunsidrat bħala l-aqwa plejer tad-dinja f’dak iż-żmien. Iżda f’nofs il-kompetizzjoni weġġa’ u ma setax ikompli jilgħab f’din il-kompetizzjoni; liema kompetizzjoni ntrebħet mill-Brażil.
Tmien snin wara, fl-1970, il-Brażil ta’ Pele rebħu wkoll it-Tazza tad-Dinja. Fil-finali ta’ din il-kompetizzjoni li saret fil-Messiku, il-Brażil rebħu bl-iskor ta’ 4-1 kontra l-Italja. Hawnhekk huwa ngħata l-unur bħala l-aqwa plejer f’dik it-Tazza tad-Dinja; l-aħħar waħda li lagħab fil-karriera tiegħu.
Pele rritira mit-tim nazzjonali Brażiljan, sena wara, fl-1971.
Fuq livell ta’ klabb, Pele baqa’ jilgħab mat-tim Brażiljan ta’ Santos sal-1974 u bejn l-1975 u l-1977, huwa lagħab ma’ New York Cosmos.
Fis-sena 2000, il-plejer Brażiljan ingħata l-unur bħala l-plejer tas-seklu mill-FIFA.
Tul ħajtu, Pelé żżewweġ tliet darbiet, bl-aħħar żwieġ tiegħu kien fl-2016 u kellu sebat itfal.
F’Jannar tal-1995, Pelé kien appuntat bħala Ministru għall-Isports taħt it-tmexxija tal-President Fernando Cardoso.