Għal ħafna mill-adulti, żmien il-Milied huwa speċjali minħabba l-ferħ li jġibu magħhom il-memorji tat-tfulija, għaliex kull tifel u tifla jieħdu pjaċir jirċievu r-rigali u jqattgħu iktar ħin mal-għeżież tagħhom.
Iżda mhux kull tifel u tifla għandhom ix-xorti li dan iż-żmien ta’ festi, igawduh mal-familja, minħabba problemi soċjali diversi.
F’pajjiżna, hawn madwar erba’ mija u ħamsin tifel u tifla f’kura alternattiva. Mitejn u ħamsin minnhom qegħdin fis-sistema tal-fostering, u mitejn oħra fi djar residenzjali.
Mat-tfal fid-djar residenzjali, sitta u tletin jinsabu fi djar immexxija mid-Direttorat tal-Kura Alternattiva fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali.
Dawn jgħixu fi tnax-il dar jew appartament, li tlieta minnhom jilqgħu anki aħwa.
Erbat ijiem wara l-Milied, jumejn qabel aktar ċelebrazzjonijiet minħabba s-sena l-ġdida, ONE News żar waħda mid-djar residenzjali tat-tfal tal-FSWS fil-Mosta, li qed tospita ħamest ibniet.
Tkellimna ma’ Kaylin Pirotta, professjonist fil-qasam soċjali, li qalilna kif l-għan huwa li dawn it-tfal jgħixu fi djar fil-komunità ’l bogħod mill-kunċett ta’ istituzzjoni, anzi f’ambjent li kemm jista’ jkun iqarreb dak ta’ familja.
Qal, “Din id-dar hija mmexxija minn leader, executive kif ukoll mis-support workers li jagħmlu ħafna xogħol sabiex jinvestu f’dawn it-tfal għal ħafna skills prattiċi fil-ħajja ta’ kuljum u wkoll biex fl-aħħar mill-aħħar ikunu jistgħu jgħixu ħajja indipendenti. L-FSWS taħdem ukoll mal-parents ta’ dawn it-tfal biex ikunu jistgħu jieħdu l-kura li jkollhom bżonn. L-għan prinċipali jkun li jekk possibbli, dawn jingħaqdu lura mal-familji bijoloġiċi tagħhom.”
Waħda mill-erbatax-il support worker li jaħdmu f’din id-dar, spjegatilna l-attivitajiet li jsiru mat-tfal fi żmien il-festi.
Qalet, “F’dawn iż-żminijiet norganizzaw ħafna attivitajiet. Ħadnihom il-Christmas Village tal-Belt, ħadnihom maż-żwiemel tal-Pulizija, għamilna pancake day, gingerbread day, ħafna crafts bl-għajnuna tat-tfal stess biex dejjem nippruvaw ningħaqdu bħala familja u nagħmlulhom il-ħajja ftit aħjar.”
Fl-attivitajiet li jsiru, is-support workers jaraw li jintlaħqu l-ħtiġijiet individwali tat-tfal f’ħajja kemm jista’ jkun normali.
Qalet, “Nippruvaw nagħmlu oġġett żgħir biex huma jagħtu lill-familjari tagħhom bħala rikordju tal-Milied, nagħmlu crafts bħall-presepju, il-Christmas tree, u jgħinnuna narmaw, u norganizzaw ħafna handmade biex huma jkunu mdaħħlin fl-attivitajiet.”
Il-ħamest itfal f’dawn id-djar kienu fost it-tfal li gawdew mir-rigali li ta l-pubbliku fl-inizjattiva Children’s Dreams, biex huma wkoll kellhom rigal x’jiftħu minkejja d-diffikultajiet soċjali li jaffaċċjaw fil-ħajja ta’ kuljum.