It-tmienja u nofs ta’ filgħodu. It-tfal tal-Primarja Ċ ta’ San Ġwann jinsabu miġburin f’forma ta’ nagħla fil-bitħa ewlenija tal-iskola biex flimkien jagħtu merħba lil jum ġdid.
Minn fuq il-loudspeaker jinstemgħu l-ewwel noti tal-innu Malti u kulħadd jiskot b’sinjal ta’ rispett lejn dan l-għelm ewlieni tal-identità nazzjonali tagħna l-Maltin. Anki April, il-kelba maskot tal-iskola, donnu xi ħaġa tnebbaħha li dan hu mument ta’ ċerta solennità, u dlonk tintefa’ dritta dritta fin-nofs.
Kien, fost l-oħrajn, bil-kant mit-tfal tal-iskejjel li dak li mbagħad sar l-innu Malti nfirex ma’ kullimkien u daħal fil-qlub tal-Maltin u l-Għawdxin proprju mitt sena ilu.
Fil-fatt, kien fl-1922 meta Robert Samut intalab minn ħatnu, Albert Laferla, li kien id-Direttur tal-Edukazzjoni, biex jagħmillu biċċa mużika għal innu li xtaq li jibda jitkanta mit-tfal tal-iskejjel tal-Gvern.
Imbagħad, Laferla għadda dak il-motiv mużikali lil ħabibu Dun Karm Psaila, biex jiktiblu vrus bil-Malti għal miegħu.
Is-Segretarju tal-Akkademja tal-Malti, Joseph Borg, spjega x’kienu ċ-ċirkustanzi, xi 25 sena qabel, li nibbtu ż-żerriegħa ta’ dak li kien destinat li jsir l-innu nazzjonali tal-gżejjer Maltin. Kollox beda meta Robert Samut, dak iż-żmien student żagħżugħ li kien jaf il-mużika, kien qed jistudja l-mediċina fl-Università ta’ Ediburgh, l-Iskozja.
“Dawn, jew biex jiċċajtaw, jew bi skop ta, hekk, qalu, ‘Isma’, ejja nkantaw l-innu ta’pajiżna. U kulħadd beda jkanta l-innu ta’ pajjiżu. Ovvjament, kien hemm ukoll studenti Ingliżi li kantaw il-God Save the King, u meta mess lill-istudent Robert Samut, qal, ‘Kos, jien x’se nkanta? Il-God Save the King?’. Irrealizza li Malta, bħala pajjiż, m’għandhiex l-innu nazzjonali tagħha.”
Dak iż-żmien Robert Samut kien ħarbex xi noti iżda, minħabba l-prezzjoni tax-xogħol bħala tabib, insihom. Kien meta avviċinah ħatnu biex jiktiblu biċċa mużika għal innu għat-tfal li ftakar fihom u użahom biex ħoloq silta li kull Malti u Għawdi llum jafha bl-amment.
L-Innu Malti ndaqq għall-ewwel darba fis-27 ta’ Diċembru 1922 fit-Teatru Manoel u minnufih intlaqa’ tajjeb ħafna. Wara ndaqq ukoll f’okkażjonijiet oħra simili. Dan ma seħħx mingħajr kunflitti mal-ħakma kolonjali Ingliża.
Kellhom jgħaddu aktar minn għoxrin sena sakemm ġie rikonoxxut mill- Kunsill tal-Gvern bħala l-Innu Nazzjonali u dan seħħ fis-27 ta’ Frar tal-1941. Eventwalment, iddaħħal fil-Kostituzzjoni tal-Indipendenza.
Joseph Borg għamel referenza partikulari għall-karatteristiċi uniċi tal-Innu Malti.
“Apparti li għandek dik il-ħaġa unika, li għandek il-mużika l-ewwel u mbagħad il-kliem ġie wara – dik xi ħaġa unika tassew – fl-istess ħin għandek kliem kollu semitiku, però miktub, imbagħad, fit-tradizzjoni Latina.”
Fl-okkażjoni taċ-ċentinarju tal-Innu Malti, il-President ta’ Malta George Vella stqarr li l-Innu Malti jibqa’ innu li jgħaqqadna u li jgħożż l-għaqda, minkejja li għadda seklu minn fuq il-versi tiegħu, u minkejja li llum is-soċjetà Maltija saret iktar imħallta u multikulturali.
“Huwa xieraq li, kif intqal ukoll hawnhekk, fl-iskejjel u f’okkażjonijiet speċjali bħal dawn nibqgħu nisimgħu jidwi l-Innu Malti. Bħala ċittadini għandna ngħożżu din l-identità, is-sovranità, u l-istorja ta’ pajjiżna kif espressi fil-lirika tal-innu nazzjonali. U ta’ dan għandna dejjem nibqgħu grati lejn nies bħal Dun Karm li għamlu dan il-wirt letterarju għal pajjiżna mitt sena ilu, però li għadu ħaj sal-ġurnata tal-lum.”