Wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija, it-turnew tradizzjonali ta’ Boxing Day b’risq l-Istrina rritorna fil-kalendarju ta’ avvenimenti fil-jum ta’ wara l-Milied, hekk kif ġewwa l-grawnd taċ-Ċentinarju f’Ta’ Qali, ingħaqdu numru t’għaqdiet għal dan il-ġest nobbli.
Preżenti kien hemm l-Għaqda Ġurnalisti Sports, l-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Futbol, l-Assoċċjazzjoni Maltija għall-Coaches tal-Futbol u l-Assoċċjazzjoni Maltija għar-Referees tal-Futbol.
Hawn inġabru donazzjonijiet minn dawk preżenti b’risq l-Istrina, u l-pubbliku ġenerali kien ukoll mistieden sabiex jattendi u jagħti d-donazzjoni tiegħu.
Għall-ħabta ta’ l-għaxra ta’ filgħodu, il-President ta’ Malta, George Vella ingħaqad fil-grawnd, fejn ta l-kickoff tat-tieni sett ta’ logħbiet.
Huwa rringrazzja lil dawk kollha preżenti, u stqarr li dan l-avveniment għandu valur doppju, hekk kif filwaqt li qed jippromwovi l-isport, qed jagħmel dan għal għan nobbli.
Il-President Vella għamel appell sabiex kulħadd jagħmel id-donazzjonijiet tiegħu f’jum l-Istrina, sabiex jiġu mgħejjuna l-persuni li sfortunatament qed ibgħatu minn kundizzjonijiet ta’ saħħa differenti.
ONE News tkellem Peter Busuttil, li huwa l-Kap tad-Dipartiment tar-Responsabbilitá Soċjali fi ħdan l-MFA, li għal-lum kien player ma’ sħabu l-ħaddiema tal-MFA.
Huwa tkellem ma’ dan l-istazzjon dwar l-ispirtu tat-timijiet kollha f’dan il-jum speċjali.
Qal, “Tkun kompettittiva, anke taħseb li se niġu hawn Boxing Day biex kulħadd jieħu pjaċir, imma fir-realtá jkun hemm min joħodha bis-serjetá, kif fir-realtá meta mbagħad tilgħab il-futbol, fl-aħħar mill-aħħar wara l-logħoba nerġgħu għan-normal, kulħadd kif kien, u probabbilment din is-sena qed naraw li se jirbħu l-ġurnalisti jew il-coaches.”
Peter qalilna li minkejja s-serjetá tal-players tat-tim tiegħu, rari jkunu r-rebbieħa tat-tournament, iżda fl-aħħar mill-aħħar, l-għan dejjem jibqa’ li jkunu ta’ għajnuna għall-Istrina.
Stqarr, “Ħafna drabi ma nirbħux aħna tal-MFA għax aħna nilgħabu fair, jiġifieri nilgħabu mal-players li jaħdmu mal-MFA, u ħaddieħor ovjament jieħduha bis-serjetá imma kollox b’għan partikolari, b’għan għall-Istrina biex anke aħna permezz tax-xogħol tagħna nagħtu l-kontribut tagħna lill-Istrina.”