Tul is-snin, il-ġurnata ta’ l-għada tal-Milied magħrufa bħala Boxing Day ġiet sinonima ma’ bosta affarjiet, fosthom futbol u l-ftuħ tar-rigali, iżda l-oriġini ta’ dan il-jum huwa ferm differenti minn kif din il-ġurnatat tiġi ċċelebrata llum il-ġurnata.
Huwa maħsub li Boxing Day ħadet dan l-isem minn tradizzjoni fejn familji sinjuri kienu jagħtu kaxxi lis-sefturi tagħhom l-għada tal-Milied, sabiex dawn jinqasmu mal-familji tagħhom. B’hekk, din il-ġurnata ingħatat l-isem ta’ Boxing Day, u huwa maħsub li din it-tradizzjoni tmur lura għal żmien medjevali.
Dan il-jum huwa sinonimu wkoll mas-solidarjetá, u anke fil-bidu ta’ din it-tradizzjoni, dan il-jum kien jara atti ta’ solidarjetá. Dan hekk kif l-għada tal-Milied kienet tinfetaħ kaxxa ta’ donazzjonijiet miġbura minn nies ta’ dik l-istess paroċċa biex jingħaddew lill-foqra.
Din it-tradizzjoni għadha tiddomina f’pajjiżna, hekk kif tul l-aħħar sebgħa u għoxrin sena, il-familji Maltin u Għawdxin ħaduha drawwa li fis-sitta u għoxrin ta’ Diċembru jagħtu dak li jistgħu lill-Istrina.
Boxing Day magħrufa wkoll għad-dilettanti tal-futbol Brittaniku, hekk kif hija tradizzjoni li l-aqwa leagues tal-futbol fl-Ingilterra, l-Iskozja u l-Irlanda ta’ Fuq, ikollhom ġurnata mimlija logħob tal-futbol.
Fil-fatt, din is-sena, Boxing Day kienet il-jum tar-ritorn għall-futbol Ingliż, wara nuqqas ta’ logħob għal sitt ġimgħat minħabba t-Tazza tad-Dinja.
Min-naħa tal-kummerċ, l-għada tal-Milied hija wkoll sinonima ma’ skontijiet fil-ħwienet, hekk kif dan il-jum jimmarka l-bidu ta’ skontijiet li jibqgħu sejrin sal-bidu ta’ Jannar.
Wara kollox, il-jum ta’ Boxing Day hija ġurnata oħra f’Diċembru fejn bosta jagħżlu li jqattgħu ħinhom mal-maħbubin kollha tagħhom.