Karla Falzon. Iċ-ċkejkna Għawdxija ta’ erba’ snin, li fl-ewwel sena ta’ ħajjitha kellha tgħaddi minn żewġ operazzjonijiet kbar f’qalbha fl-Ingilterra.
Fis-27 ta’ Settembru ta’ erba’ snin ilu fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, Franklin, Joline u binhom Giuseppi, ferħanin se jtiru, laqgħu lit-tieni wild tagħhom fil-familja. Karla.
Dawk li kellhom ikunu l-ewwel jiem ta’ ferħ għall-familja Falzon, ittappnu bl-aħbar mhux mistennija li Karla żviluppat kumplikazzjonijet f’qalbha u li b’mod immedjat kellha tmur barra minn Malta għal operazzjoni serja.
Il-weġgħa hija akbar hekk kif omm Karla, friska mill-ħlas, ma setgħetx titla’ l-Ingilterra.
F’Għawdex dan l-istazzjon iltaqa’ ma’ Karla, ommha u ħuha.
“Twieldet Karla u wara jumejn indunaw li għandha problema f’qalbha u minn hemm il-Profs qalli li Karla ma tistax iddum ħafna biex issirilha operazzjoni barra minn Malta, fi ftit ġranet kellna nmorru l-Ingilterra. Karla marret mal-Papa tagħha għax jiena ma stajtx immur mal-ewwel.”
Meta Karla għalqet sena, il-familja Falzon irċeviet l-aħbar li kellha tgħaddi mit-tieni operazzjoni f’qalbha.
“Meta kellha 1 sirt naf li kellha terġa’ titla’ l-Ingilterra, eżatt meta faqqgħet il-pandemija bagħtu għalina biex inmorru u kienet aktar diffiċli għax ma seta’ jiġi ħadd miegħi.”
Minkejja dan Karla baqgħet tiġġieled u llum, kif jgħid il-Malti, ittajjar in-nar. Tifla ferriħija, tmur l-iskola, tilgħab ma’ sħabha u ma jonqosx li tinbex xi ftit lil ħuha Giuseppi.
“Sibna ħafna għajnuna mill-Istrina, it-tobba u l-infermiera huma dedikati ħafna u jagħmlu l-mirakli. Jiena mort b’qalbi maqtugħa, tista’ taħseb issir operazzjoni open heart fuq tarbija ta’ disa’ t’ijiem, imma għall-grazzja t’Alla kollox mar sewwa.”
L-appell għall-għajnuna fl-Istrina minn familja li għall-għarrieda ġiet bżonnha, ma naqasx.
“Jiena kont nagħti kull sena qatt ma għaddieli minn moħħi li se niġi bżonn jien imma xħin tiġi bżonn jiftħulek il-bieb beraħ u ssib familja oħra u l-appell biex kulħadd jagħti mill-ftit li għandu.”