“Karolina, Ferdi u s-Saħħar il-Ħażin” huwa l-ktieb li fl-aħħar ġimgħat, tqassam f’xejn inqas minn mitejn u ħamsin skola primrja u sekondarja biex iqajjem kuxjenza fost tfal ta’ bejn is-seba’ u t-tnax-il sena, dwar il-vjolenza domestika.
Dan il-ktieb ġdid tnieda aktar kmieni din is-sena, bil-ħsieb li tfal f’sitwazzjoni ta’ vjolenza domestika ma jħossuhomx waħedhom, fl-istess waqt li t-tfal kollha jkunu konxji ta’ din il-pjaga soċjali.
ONE News żar l-iskola medja ta’ Bormla fi ħdan il-Kulleġġ Santa Margerita. Hemmhekk tkellimna maċ-Chairperson ta’ Positive Parenting Malta, Ruth Sciberras, dwar l-importanza tal-letteratura fejn jidħlu suġġetti sensittivi.
“Il-vjolenza domestika huwa suġġett sensittiv u kumpless ħafna allura b’dan il-ktieb qegħdin nagħtu opportunità bħala Positive Parenting Malta li kemm l-edukaturi u kemm il-ġenituri, ikunu jistgħu jfehmu dwar il-vjolenza domestika lit-tfal b’lingwaġġ li jifhmu huma.”
ONE News tkellem ma’ numru ta’ tfal li spjegawlna l-istorja ta’ dan il-ktieb mil-lenti tagħhom.
Il-qofol tal-istorja jintlaħaq meta l-karattri jfittxu l-għajnuna u jsibuha.
“Il-messaġġ ta’ dan il-ktieb huwa li kemm it-tfal, kemm il-vittma u kemm l-aggressur għandhom l-għajnuna. Hemm programmi għall-aggressur, hemm programmi għall-vittma u anki għat-tfal. Jekk wieħed ikollu problemi bħal dawn, jista’ jċempel 179 u minn hemm jiġi riferut għas-servizzi li jkollu bżonn.”
Dan il-messaġġ jidher li qed jasal għand it-tfal, li mil-lenti tal-innoċenza tagħhom, qalulna dak li tgħallmu minn din l-istorja.