L-imsieħba soċjali u l-artisti lokali esprimew sentimenti komuni hekk kif antiċipaw u qegħdin jesperjenzaw staġun festiv b’saħħtu.
Fil-ħarġa tagħha f’nhar il-Milied, il-gazzetta Kullħadd stħarrġet dwar dak li qegħdin jgħidu dwak involuti fis-setturi tad-divertiment u l-ospitalità f’pajjiżna.
Fl-isfond tas-sentiment pożittiv ukoll mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, li tenna kif l-attività ekonomika f’Novembru kienet ogħla mill-medja storika irreġistrata, il-gazzetta KullĦadd, tinnota dak li qalu d-diversi msieħba soċjali.
Fost dawn kien hemm il-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Mamo, il-President tal-Assoċjazzjoni Maltija għall-Lukandiera u r-Ristoranti, Tony Zahra u l-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, Joe Muscat, li lkoll tkellmu dwar pożittività għal dan l-istaġun festiv.
Huma jinnotaw kif l-andament fis-setturi tal-ospitalità u l-ikel f’pajjiżna, qiegħed ilaħħaq dak li kien esperjenzat fl-2019, is-sena li rat andament storiku, qabel faqqgħet il-pandemija.
Il-KullĦadd tinnota wkoll dak li qalet l-Organizzazzjoni Dinjija tat-Turiżmu, li pajjiżna huwa fost l-ewwel pajjiżi fid-dinja li qed jirnexxielhom jirkupraw mill-effetti tal-imxija.
Dan is-sentiment kien ukoll espress mill-Ewrobarometru li sab kif il-Maltin huma f’qagħda finanzjarja aħjar mill-bqija tal-Ewropej u għaxar pajjiżi ġirien.
L-aħbarijiet pożittivi, madanakollu, ma waqfux mal-imsieħba soċjali jew istituzzjonijiet internazzjonali hekk kif diversi artisti lokali li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd, jinsabu ferħana li fl-aħħar tas-sena se jtellgħu spettakklu mill-akbar.
Fil-fatt, is-sena 2023 se tkun milqugħa bi spettakklu mill-ikbar fi Pjazza San Ġorġ.
Din is-serata se tkun qed tittella’ mill-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta u se tibda mill-għaxra ta’ filgħaxija ’l quddiem.
Fost l-artisti li tkellmu mal-gazzetta KullĦadd, kien hemm Kevin Abela minn Brass House Unit, Gloriana Arpa Belli, Amanda Marie, Tiziana Calleja, Jasmine, Ludwig Galea, Ozzy Lino u Aidan Drakard.
Huma qed jantiċipaw serata ta’ divertiment mill-isbaħ u qalu li jinsabu onorati li se jilqgħu s-sena l-ġdida minn ġewwa l-kapitali fi spettaklu li mistenni jiġbed eluf ta’ Maltin u turisti.