“Għożża, kenn u faraġ” huma l-kliem li kkaratterizzaw il-messaġġ tal-Arċisqof ta’ Malta, Charles J. Scicluna f’Jum il-Milied.
Fil-messaġġ li għamel lill-pubbliku mill-knisja tal-Griegi fil-Belt Valletta, l-Arċisqof beda billi fakkar fiż-żjara li għamel il-mexxej tal-Knisja Kattolika, l-Papa Franġisku aktar kmieni din is-sena.
L-Arċisqof innota d-diskorsi u l-ġesti tal-Papa Franġisku fostna li kkomunikaw il-ħniena, it-tenerezza u l-għożża.
Charles J. Scicluna ma naqasx ukoll milli jfakkar fl-anniversarju importanti li l-poplu Malti se jkun qed ifakkar fis-27 ta’ Diċembru, dak ta’ ċentinarju minn meta ndaqq għall-ewwel darba l-Innu Malti fit-Teatru Manoel.
Huwa talab li l-Mulej iħares lil pajjiżna kif ukoll għall-għaqda u s-saħħa fost il-poplu Malti.
“Imma nitolbuh jagħti dehen lill‑Maltin, jagħti saħħa, jagħti ħniena. Fuq kollox jagħti d‑don tal‑għaqda.”
Fil-messaġġ tiegħu, l-Arċisqof sellem ukoll lill-Maltin li jgħixu barra minn xtutna.
“Nixtieq nagħmel tislima partikolari lill-Maltin u l-Għawdxin li jinsabu jgħixu residenti jew emigrati f’pajjiżi barra minn xtutna. Mhux biss it-tislima tiegħi hi tislima ta’ wieħed minn ħutkom, imma wkoll ta’ Malti bħalkom li ma nistgħux ninsew l-għeruq tagħna.”
Huwa awgura lill-Maltin kollha, Milied ħieni, u sena mimlija risq u barka.