F’ġurnata sabiħa kif qed joffri Diċembru ta’ din is-sena, ONE News sebaħ biswit l-Isptar Mater Dei, fejn kowċ mimli biż-żgħażagħ u tfal mill-Birżebbuġa Aquatic Sports Club, flimkien mad-diriġenti tagħhom, wassal għadd ta’ prodotti tal-ikel li nġabru apposta għal għan nobbli.
It-tim tal-waterpolo tal-Birżebbuġa Aquatic Sports Club dis-sena ħa l-inizjattiva ftit differenti u ġabar ikel għall-klieb kif ukoll prodotti tal-ikel għall-istituzzjonijiet fosthom is-St. Patrick’s Residential Care, id-Dar Sagra Familja, id-Dar San Ġużepp, u l-Istitut Ġesu Nażżarenu.
Il-plejer Simeon Bezzina tkellem ma’ ONE News dwar kif inġabar kemm l-ikel għall-annimali kif ukoll l-ikel għall-istituzzjonijiet tat-tfal.
“Konna ċempilna l-istituzzjonijiet u staqsejnihom x’għandhom bżonn, u qalulna li għandhom bżonn l-ikel, u bdejna niġbru d-donazzjonijiet tal-flus u l-ikel u, ovvjament, bil-flus xtrajna iżjed ikel u aħna bħalissa qed nieħdu pjaċir għax għall-inqas nistgħu ngħinu lil dawk li huma inqas iffortunati minna u nieħdu pjaċir fl-istess ħin, u sorpriż kemm tawna donazzjonijiet, u kuntenti ukoll.”
Kif dħalna fis-sala fejn bħalissa Jake Vella jinsab rikoverat f’Disney Land, fl-Isptar Mater Dei, stajna ninnutaw il-ħarsa sorpriża tiegħu u tal-ġenituri tiegħu. Tlabna lil Jake biex jgħidilna xi tfisser għalih din l-inizjattiva, li saret bl-isem ta’ ‘Gift of Giving’.
“Jien għalija li Birżebbuġa Aquatics Sports Club ġew illum qed jagħmluli ħafna Milied tajjeb għax b’dawn li tawni qed ngħin iktar l-annimali, u ġabuli l-ikel tal-klieb u qtates għal taħt is-siġra tal-Milied biex jiżdied iktar l-ikel tal-annimali. ”
Preżenti għal din l-okkażjoni kien hemm il-President tal-Assoċjazzjoni tal-iSport Akwatiku, Carl Izzo, u l-President tal-Birżebbuga Aquatic Sports Club li saħansitra preżentaw tifkiriet lil Jake Borg għall-okkazzjoni.
Stajna ninnutaw il-qalb kbira tal-Maltin, anki b’risq l-annimali, għax taħt is-siġra tal-Milied huwa mballat kollu bl-ikel għall-annimali.
Qabel tlaqna mill-Isptar Mater Dei, Jake Vella bit-tbissima qalilna biex, jekk nistgħu, infakkru lin-nies li l-ikel għall-annimali se jibqa jinġabar taħt is-siġra tal-Milied fid-daħla tal-Isptar Mater Dei sas-26 ta’ Diċembru.
Inħeġġu lil kulħadd biex inkomplu nferrħu lil Jake, li dan il-Milied qed jagħti vuċi għall-annimali.