Il-Maltin huma l-iktar sodisfatti fost il-popli tal-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea bl-azzjonijiet li ħa l-Gvern fid-dawl tal-effetti tal-gwerra fl-Ukrajna.
Dan ħareġ minn stħarriġ tal-Ewrobarometru, li sar fl-aħħar ġimgħa ta’ Novembru u li ġie ppubblikat il-Ġimgħa, li analizza l-impatt tal-prezzijiet tal-enerġija fuq il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Kważi sittin fil-mija tal-Maltin qalu li l-azzjonijiet tal-Gvern kellhom impatt pożittiv jew pożittiv ħafna. Dan hu ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni Ewropea, fejn huma 46 fil-mija li qalu li huma sodisfatti bl-azzjonijiet li ħadu l-gvernijiet ta’ pajjiżhom. Hawnhekk id-differenza hija ta’ tlettax fil-mija.
F’dan l-Ewrobarometru ħareġ li r-rata ta’ pajjiżna tisboq sew ir-rata ta’ pajjiżi fl-Unjoni Ewrope, li huma ferm akbar minn Malta, fosthom il-Ġermanja, Franza, u l-Italja.
Fost l-azzjonijiet li ħa l-gvern Malti kien hemm l-għajnuna kbira biex il-prezzijiet tal-enerġija baqgħu stabbli, l-għajnuna fuq il-prezzijiet tal-ġwież u ċ-ċereali, mekkaniżmu ġdid tal-għoli tal-ħajja, u bosta inizjattivi oħra msemmija fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Intant, il-Maltin huma wkoll fiduċjużi dwar il-qagħda ekonomika ta’ pajjiżna, ferm iktar milli huma ċ-ċittadini ta’ pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Dan huwa effett dirett ukoll tal-azzjonijiet li ħa l-Gvern biex jgħin lin-negozji u lill-familji.
Mistoqsija dwar is-sitwazzjoni ekonomika f’pajjiżhom, f’dan l-Ewrobarometru l-maġġoranza tal-Maltin, 54 fil-mija, qalu li hija tajba jew tajba ħafna. Hawnhekk, ir-rata ta’ pajjiżna tisboq sew ir-rata tal-medja tal-Unjoni Ewropea, hekk kif din hija ta’ 22 fil-mija. Dan ifisser differenza ta’ 32 fil-mija.
Dan ir-riżultat ipoġġi lil Malta fost l-aqwa tliet pajjiżi fost l-istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea.
L-istess huwa l-każ meta d-domanda saret fuq il-qagħda personali: 65 fil-mija tal-Maltin qalu li l-qagħda personali tagħhom hi tajba jew tajba ħafna. Dan jikkuntrasta bil-kbir mal-figura ta’ 47 fil-mija tal-Unjoni Ewropea. Din tfisser differenza ta’ 18 fil-mija, meta mqabbel mal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.