Aktar minn 10 miljun flixkun u bott ġew ritornati minn mindu tnediet l-Iskema ta’ Rifużjoni tal-Kontenituri tax-Xorb sitt ġimgħat ilu.
Ċifri uffiċjali li kiseb ONE News juru li ġew esportati wkoll 160 tunnellata ta’ materjal miġbur għar-riċiklaġġ lejn l-Italja u Franza.
Qabel l-introduzzjoni tal-iskema tal-BCRS, Malta kien qed jirnexxilha tirriċikla 10 fil-mija tal-ippakkjar tal-plastik, meta skont l-aħħar ċifri tal-Eurostat ippubblikati x-xahar li għadda l-medja Ewropea hi ta’ 38 fil-mija.
Minħabba dawn il-livelli ta’ riċiklaġġ kif ukoll il-miri aktar stretti tal-Unjoni Ewropea dwar ir-riċiklaġġ, il-Gvern iddeċieda li Malta għandha taqleb minn sistema ta’ ġbir fid-dar għal skema ta’ ritorn tal-kontenituri tax-xorb aktar iffukata.
Iċ-Chairman tal-BCRS, Pierre Fava, qal li dawn in-numri huma inkoraġġanti u se jwasslu għal Malta aktar nadifa u ekoloġika.
Mistoqsi dwar ilmenti għax il-magni jimtlew malajr, is-Sur Fava qal li dawn issa qed jitbattlu aktar ta’ spiss.
“Il-maġni, il-kapaċità tagħhom, ma kinitx dik li xtaqna aħna fil-bidu. Ovvjament, dawn ġew riżolti, fejn ħadna l-inizjattiva aħna biex nsolvu dawn il-problemi. Fl-opinjoni tiegħi, dawn il-magni qed jaħdmu b’mod tajjeb. Qed niġbu, bħalissa, madwar mija u ħamsin elf kontentur kuljum.”
Malli jaslu fl-impjant, jibda l-proċess ta’ għażla tal-kontenituri, fejn l-ewwel jgħaddi minn sistema ta’ trasportazzjoni manjetika biex jitneħħew il-bottijiet tal-landa.
Wara jgħaddi minn separatur biex jitneħħew il-bottijiet tal-aluminju, biex imbgħad fl-aħħar jspiċċa l-plastik u, b’mod ottiku, b’tagħmir li huwa tal-aħħar teknoloġija, jiġi sseperat il-plastik iċ-ċar mill-plastik ikkulurit.
Il-ħġieġ ukoll jiġi separat b’mod awtomatiku ħalli dejjem ikun hemm kull materjal separat għalih.
Is-Sur Fava qal li din is-sistema biss tista’ tiggarantixxi li dawn il-kontinituri ma jitħalltux ma’ skart ieħor.
“Qabel, Malta konna qed nisseparaw. Issa mhux qed nisseparaw biss imma qed nirriċiklaw. Id-differenza hija li hawn materjal uniku li jiġi mid-drinks tagħna, fejn qed titfgħu go waste stream li hija nadifa, biex dan jiġi esportat u nadif. Din hija waste stream nadifa.”