Tnediet uffiċċjalment d-dgħajsa nazzjonali, bl-isem ta’ Viva Malta National Offshore Sailing Boat, li se tagħti opportunità lill-baħħara Maltin biex jikkompetu fl-isfera internazzjonali u jagħmlu isem għal Malta.
Din it-tnedija saret fil-Mediterranean Maritime Hub, mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Aaron Farrugia u l-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, flimkien ma’ Yachting Malta u Sports Malta, u ġiet imbierka minn Mons. Victor Grech.
Viva Malta issa se tgħaddi għand Sport Malta u l-Malta Sailing Federation li ser jaħdmu flimkien sabiex jamministraw din l-inizjattiva.
Il-Ministru Aaron Farrugia spjega kif il-kunċett tal-Viva Malta National Offshore Sailing Boat sar possibbli permezz ta’ investiment ta’ madwar €400,000, fuq inizjattiva ta’ Yachting Malta bl-appoġġ sħiħ tal-gvern.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Yachting Malta Michael Mifsud sostna li, “Din kienet ħolma tal-entità li xi darba jkollna dgħajsa kapaċi li tikkompeti fir-regatta internazzjonali u tagħti opportunità lill-baħħara Maltin biex jikkompetu fl-isfera internazzjonali u li jagħmlu isem għal Malta. Fl-istess waqt nemmnu li din il-pjattaforma se tagħti promozzjoni lil Malta bħala ċentru ta’ eċċellenza fil-yachting.”