L-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis se tiftaħ l-applikazzjonijiet għall-ħruġ ta’ liċenzji lill-organizazzjonijiet interessati li jkollhom responsabbiltà li jikkultivaw, jipproċessaw u jbiegħu l-kannabis għall-użu personali lill-membri li jingħaqdu magħhom.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg waqt konferenza tal-aħbarijiet, li fiha tkellmet dwar kif il-gvern ried li dan il-proċess delikat ħafna jimxi bir-reqqa sabiex din ir-riforma tilħaq l-għan sħiħ tagħha.
Buttigieg spjegat li bil-liġi li għadda l-gvern, persuni li jikkonsmaw il-kannabis għal skop personali, u jinstab fuqhom sa seba’ grammi, ma ssirx prosekuzzjoni kontrihom u ma jiġux meqjusa bħala kriminali. Aċċennat kif riforma oħra li wettaq il-gvern qed tagħraf ir-realtajiet u tagħti ċans persuni li kellhom il-kondotta mċappsa minħabba każ b’pussess żgħir ta’ kannabis, li jkomplu b’ħajjithom mingħajr xkiel. Dan filwaqt li saħqet li l-liġi tħares ukoll li min jixtri l-kannabis jirrikorri għal swieq legali u kompliet tintensifika l-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga.
Leonid McKay, Ċermen Eżekuttiv tal-Awtorita’ għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, spjega kif l-ewwel u qabel kollox l-prijorità hija li jidħol fis-seħħ qafas regolatorju robust għal-liċenzjar tal-organizazzjonijiet li ma jaħdmux għall-profitt, b’mod immedjat.
Is-Sur McKay spjega kif fis-27 ta’ Jannar ġewwa l-MFCC se tittella’ Konvenzjoni bit-tema ‘Setting the Standards’ bl-iskop li jkun hemm djalogu miftuħ fuq l-standards li ser jkunu qed jiġu mnedija dakinhar stess.
“Għadni kif iltqajt mal-bord tad-diretturi, li flimkien magħhom issettjajna x’inhuma l-prijoritajiet ewlenin tagħna. L-ewwel u qabel kollox, l-istruttura tal-Awtorità, sabiex tkun tista’ tilħaq il-miri ewlenin li għandha din ir-riforma, fosthom li jkun hemm qafas regolatorju għan-Non-Profit Organisations, li flimkien magħhom ħa nkunu qed niddiskutu f’Jannar, f’Konvenzjoni li ħa tkun qed issir fl-MFCC, ta’ Qali, fis-27 ta’ Jannar, sabiex flimkien magħhom, nitkellmu dwar l-istandards li ħa tkun qed titlob l-awtorità min-naħa tal-NPOs.”
Intqal kif prijorità oħra hija li l-struttura tal-Awtorita’ tkun tirrifletti l-funzjonijiet li trid taqdi,u għamel aċċenn fuq l-importanza li din r-riforma tibqa’ tkun waħda li taspira biex jkun hemm ġustizzja soċjali ‘l ‘għod minn kull forma ta’ kummerċjalizzazzjoni tas-settur.
L-għaqdiet jew persuni interessati li jirreġistraw għal Konvenzjoni jistgħu jidħlu fuq il-website tal-Awtorità – www.aruc.mt.