Fl-okkażjoni taċ-ċelebrazzjoni ta’ Jum ir-Repubblika f’Għawdex, il-President George Vella qal li jeħtieġ li s-seħer ta’ Għawdex jeħtieġ jiġi protett. Enfasizza l-fatt li l-kwalità tal-ħajja tagħna u ta’ wliedna tiddependi mill-ambjent ta’ madwarna.
Żied jgħid li t-tnaqqir tal-ġmiel naturali jista’ wkoll jirriżulta f’nuqqasijiet tal-kwalità tal-prodott turistiku Għawdxi li jfittxuh mhux biss it-turisti, iżda anke eluf ta’ Maltin.
Fid-diskors tiegħu, il-President tkellem dwar tbatijiet li għaddejjin minnhom bosta fis-silenzju. Semma l-abbużi u l-vjolenza domestika, il-vizzji qerrieda ta’ xorb alkoħoliku u drogi, u dak insidjuż ħafna tal-logħob tal-azzard, il-hate speech fuq il-midja soċjali, u l-bullying fiżiku jew virtwali.
Il-President Vella qal li l-ġustizzja soċjali trid titgawda minn kulħadd – il-Malti, l-Għawdxi, u l-barrani, u esprima tħassib li għadna nsibuha bi tqila bħala poplu li nimplimentaw l-integrazzjoni tal-barranin fostna.
B’referenza għad-diskussjoni li għaddejja bħalissa f’pajjiżna, il-President Vella qal li “bid-diskussjonijiet li għaddejjin, tinstab soluzzjoni li biha jiġu indirizzati l-punti kollha li qegħdin jiġu espressi mill-esponenti differenti f’dan id-dibattitu.”
Il-President għamel sejħa lil kull wieħed u waħda minna biex, minkejja d-differenzi, kulħadd ifittex l-għaqda.