Puka se tkun il-mascot uffiċjali tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa, magħruf fil-qosor bħala l-GSSE, li se jsir f’Malta f’Mejju li ġej.
Puka, li ġejja mill-isem tal-lampuka, ħuta mfittxija ħafna u li nsibu fl-ibħra Maltin, ġiet imnedija quddiem għexieren ta’ tfal minn skejjel differenti u fil-preżenza tal-atleti Maltin fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar, spjega li dan il-logħob, apparti l-isport, se jiċċelebra l-kultura Maltija.
“Fadal inqas minn 180 ġurnata għal-logħob, u wara li fiX-xhur li għaddew nedejna l-logo ffukat fuq it-tradizzjoni Maltija, illum qed niċċelebraw il-masKot Puka, li ġejja mill-ħuta tradizzjonali Maltija, u allura rridu naraw li dan il-logħob tal-pajjiżi ż-żgħar ikun iffukat ukoll fuq il-kultura u l-istorja Maltija u l-kultura tal-pajjiżi barranin li tħalltu ma’ Malta sabiex ikollna Ewropa maqgħuda.”
Il-logo ta’ dawn il-logħob ifakkar ukoll dak li jagħmilna Maltin, u se jkun qed juri l-għajn li nsibu fuq il-luzzu.
F’dan il-logħob se jieħdu sehem aktar minn elf atleta ta’ għaxar dixxiplini sportivi u li ġejjin minn disa’ pajjiżi Ewropej. Se jattendu wkoll f’pajjiżna mal-ħames mitt speċjalist sportiv.
Il-Ministru responsabbli mill-qasam sportiv, Clifton Grima, innota kif dawn il-logħob se jgħaqqduna bħala pajjiż wieħed. Huwa sellem lill-atleti Maltin u Għawdxin li se jirrappreżentaw lil pajjiżna.
Permezz ta’ din l-edizzjoni, Malta se tkun ospitat il-logħob magħruf tal-GSSE għat-tielet darba. Dan il-logħob diġà ġie organizzat f’pajjiżna fl-1993 u l-2003.