Fl-aħħar laqgħa għas-sena 2022, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali ġie ppreżentat bir-riżultati tal-istudju dwar it-titjib ta’ djalogu ċivili u soċjali, liema studju ġie ffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew.
Dan il-proġett, apparti taħriġ lill-ħaddiema tal-MCESD, kien jinkludi studju dwar erba’ oqsma tematiċi li kienu: il-parteċipazzjoni tan-nisa fid-djalogu soċjali; it-titjib tal-kapaċità teknika tal-imsieħba soċjali; l-espansjoni tal-investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp fl-ekonomija l-ġdida; kif ukoll it-tnaqqis tal-emissjonijiet.
Dwar dan, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul qal kemm huwa importanti li l-ħiliet tal-ħaddiema jiġu aġġornati kontinwament u permezz ta’ dan it-taħriġ, il-ħaddiema tal-MCESD ġew mgħammra bil-ħiliet meħtieġa biex jassistu għall-ħtiġijiet tal-membri fil-proċess tad-djalogu soċjali.
Fl-istess laqgħa saret ukoll preżentazzjoni mill-uffiċċju tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta fejn, fost l-oħrajn, l-imsieħba soċjali tkellmu dwar il-pjan REPowerEU li jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri biex titnaqqas id-dipendenza fuq il-fjuwils mir-Russja u titħaffef it-tranżizzjoni ekoloġika, filwaqt li tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija fl-UE kollha. L-imsieħba soċjali tkellmu wkoll dwar il-Pjan ta’ Malta ta’ Rkupru u Reżiljenza, liema pjan ġie approvat mill-Kummissjoni Ewropea.
Din il-laqgħa kienet ukoll l-aħħar laqgħa għaċ-chairperson tal-MCESD hekk kif is-Sur James Pearsall ser ikun qed jokkupa kariga ġdida minn Jannar li ġej. Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul irringrazzja liċ-chairperson uxxenti tal-ħidma tiegħu u qal li ser ikun qed jikkonsulta mal-imsieħba soċjali sabiex jinħatar chairperson ġdid.