Transport Malta ġibdet l-attenzjoni tal-pubbliku għall-Inizjattiva Finanzjarja relatata mal-vetturi Plug-in Hybrid li ġew ordnati qabel l-aħħar ta’ Mejju 2022 u s’issa għadhom ma ġewx importati f’Malta, jew se jiġu importati matul l-2023.
F’Mejju tal-2022, Transport Malta kienet impenjat ruħha li tħallas l-grants relatati mal-vetturi Plug-in Hybrid ġodda u użati kollha ordnati sal-31 ta’ Mejju, 2022, anke jekk dawn kellhom jiġu rreġistrati aktar tard matul l-istess sena jew matul l-2023.
Issa ġie għall-attenzjoni ta’ Transport Malta li wħud mill-vetturi Plug-in Hybrid ordnati f’Mejju (2022) mhux se jintbagħtu lejn Malta sa Diċembru 2023, minħabba diversi kwistjonijiet relatati ma’ produzzjoni.
Għal dan il-għan u wara diskussjoni xierqa mal-Ministeri relatati, l-Awtorità, filwaqt li ma kellha ebda obbligu li tagħmel dan, iddeċidiet li testendi l-iskema billi testendi l-perjodu ta’ reġistrazzjoni ta’ dawn il-vetturi sal-aħħar ta’ Diċembru, 2024 (l-aħħar data ta’ reġistrazzjoni ). Barra minn hekk, sidien prospettivi li kienu diġà għamlu l-ordni tagħhom sa Mejju, 2022, qed jiġu offruti l-għażla li jikkanċellaw l-ordni tagħhom minn Aġent wieħed u li jagħmlu ordni oħra, dejjem fl-istess parametri, ma’ Aġent ieħor.
Il-kunsens għall-kanċellazzjoni għandu jinkiseb minn qabel. L-Awtorità tagħmilha ċara li l-miżura li qed tiġi applikata ma tintitolax lil xi persuni li ma kinux ibbenefikaw taħt l-iskema qabel l-estensjoni li issa qed tiġi implimentata biex jagħmlu xi talba mal-Awtorità fuq il-bażi ta’ din l-estensjoni.
B’effett mill-1 ta’ Jannar 2023, vetturi Plug-in Hybrid biss b’medda ta’ mhux inqas minn 50km (City) se jkunu eżentati mill-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni. Il-miżata annwali tal-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni għandha tibqa’ bla ħlas għall-ewwel 5 snin għall-istess kategorija ta’ vetturi.