Fl-Għammieri ġiet inawgurata faċilità li tieħu ħsieb qtates abbandunati u morda b’investiment ta’ €150,000. Din il-faċilità tista’ tesa’ sa 150 qattus, u hija pass ieħor eqreb sabiex tiġi solvuta l-problema tal-annimali abbandunati f’pajjiżna.
Waqt l-inawgurazzjoni tal-faċilità, id-Direttur tal-Animal Welfare, Patricia Azzopardi, irringrazzjat lill-Ministeru responsabbli mid-Drittijiet tal-Annimali għall-ħidma sabiex din il-faċilità tlestiet, filwaqt li tat ħajr lill-voluntiera kollha li jqattgħu ħinhom jieħdu ħsieb l-annimali abbandunati.
Hija spjegat kif din iż-żona ma kinitx tintuża, u għalhekk hija verament ġurnata sabiħa għall-Animal Welfare hekk kif issa tista’ tagħmel użu minnha.
Il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo, stqarr li filwaqt li l-gvern qed isaħħaħ l-infrastruttura għall-annimali abbandunati permezz ta’ investimenti bħal dawn, qiegħed jagħmel ferm iktar minn hekk, anke permezz ta’ ħidma leġiżlattiva.
“Dan il-gvern miexi fuq tliet binarj. L-ewwel nett, qed insaħħu l-infrastruttura, qed inżidu s-servizzi, kif qed taraw, bħal din tal-lum, li hija wegħda elettorali u anke miżura tal-Budget, u qed nagħmlu dan is-santwarju ġdid tal-qtates. Però, min-naħa l-oħra, huwa importanti li jkollok l-infurzar. Mill-Parlament għaddiet mit-Tieni Qari liġi importanti fejn hemm qed nagħtu għodda lill-uffiċjali tagħna biex ikunu jistgħu jidħlu u jaraw kemm jista’ jkun li l-annimali ma jiġux maħqura.”
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, qalet li sfortunatament, in-numru ta’ qtates li jgħixu barra qiegħed jiżdied, u għalhekk il-Gvern qiegħed jaħdem biex jindirizza din is-sitwazzjoni.
Qalet li din il-faċilità l-ġdida mhix l-unika proġett li ħa fi jdejh il-Gvern biex ikun ta’ għajnuna għall-annimali abbandunati.
“Apparti minn dan il-proġett tal-cattery, li se jkun qed jagħti spazju għal mija u ħamsin qattusa, qed naħdmu fuq proġett infrastrutturali għal klieb abbandunati, sabiex ukoll hemmhekk, nagħtu ċans lill-klieb li nsibu wkoll ta’ kuljum. Apparti minn hekk, qed naħdmu wkoll fuq rehoming centre, li se jkun anke qed jagħti l-faċilità lill-Gvern biex jagħti spazju għal annimali oħra abbandunati, fosthom żwiemel.”