Nhar il-Ħadd li għadda mmarka t-80 anniversarju minn meta d-Dumnikani rritornaw lura l-Birgu wara li fis-19 ta’ Jannar 1941 kienu tilfu l-Kunvent u l-Knisja b’attaki mill-ajru.
Nhar it-18 ta’ Diċmebru tal-1942, id-Dumnikani kienu ħadu pusses tal-Palazz tal-Inkwiżitur biex minnu jaqdu d-dmirijiet pastorali lejn il-poplu tal-Birgu u kif ukoll imexxu skola biex jgħallmu lit-tfal tal-Kottonera.
Għalhekk nhar il-Ħadd 18 ta’ Diċembru ġewwa l-Palazz tal-Inkwiżitur saret quddiesa fl-istess post fil-palazz fejn kien jintuża bħala Knisja tal-Lunzjata f’dawk iż-żmienijiet. Il-Pirjol fl-omelija fakkar il-kuraġġ kbir li kellhom il-patrijiet Dumnikani dak iż-żmien li minkejja l-isfidi kollha ma’ qatgħux qalbhom li jiġu lura l-Birgu minkejja l-faqar u lproblemi kbar li kien hawn.
Fi tmiem il-quddiesa is-Sur Vince Borg irregala lill-Kunvent Bambin tax-xemgħa li l-patrijiet kienu tawh 70 sena ilu meta kien propju għamel il-priedka tat-tifel tal-Milied. Is-Sur Borg qal li huwa xieraq li “issa, fi xjuħiti, dan il-Bambin jirritorna lura għand il-patrijiet”.