Il-President ta’ Malta George Vella u l-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ppreżentaw il-Premju tal-President għall-Kreattività lil erba’ organizzazzjonijiet.
Gabriel Caruana Foundation bil-proġett Whereabout Are You From għall-2021, Inizjamed bil-proġett Niġru Ġrajja, Outlook Coop b’We Are All Story Tellers u Fondazzjoni Sebħ b’See My Voice huma l-benefiċjarji għas-sena 2022.
Waqt li feraħ u awgura lir-rebbieħa għall-impenn li daħlu għalih, il-President ta’ Malta qal li l-kreattività għandha tkun impenn ta’ kull wieħed u waħda minna, irrispettivament jekk aħniex parti minn istituzzjoni jew le. “It-tiftix u l-kisba tal-kwalità m’għandhiex tkun biss fuq proġetti nazzjonali, iżda tinżel ukoll f’kull saff tas-soċjetà tagħna”, żied jgħid il-President.
Il-Premju tal-President għall-Kreattività huwa parti minn serje ta’ inizjattivi tal-Kunsill Malti għall-Arti maħsuba li jsaħħu l-inklussività, l-iżvilupp tal-komunità u l-benesseri permezz tal-parteċipazzjoni kulturali u l-espressjoni kreattiva.
“Aħna nemmnu bis-sħiħ li l-aċċess għall-kultura huwa dritt fundamentali ta’ kull bniedem u, permezz ta’ inizjattivi ta’ din is-sura, qegħdin inkomplu nippromwovu l-għarfien u t-tħaddin ta’ narrattivi diversi, filwaqt li nkomplu nżidu l-opportunitajiet sabiex l-artisti u l-kreattivi tagħna jimirħu aktar,” qal il-Ministru Owen Bonnici waqt iċ-ċerimonja ta’ premjazzjoni.
Dr Bonnici semma kif fl-aħħar seba’ snin kien hemm investiment ta’ €640,000 fi proġetti fil-komunità permezz tal-Premju tal-President għall-Kreattività li jinqasam fi tnejn, waħda għall-Bini u l-Iżvilupp tal-Kapaċità, u l-oħra ffukata fuq il-Proġetti/Programmi li jħaddnu l-għanjiet tal-Premju.