Il-Ministri responsabbli mill-enerġija fl-Istati membri tal-Unjoni Ewropea għadhom għaddejjin b’taħditiet intensi fi Brussell dwar dan is-settur li bħalissa jinsab fi kriżi.
Huma ilhom minn filgħodu jerġgħu jippruvaw jiffinalizzaw ftehim – li issa ilu mistenni ħafna – biex jiġi stabbilit limitu massimu tal-prezz tal-gass naturali li, jittamaw, ikun jista’ jgħin lill-familji u lin-negozji Ewropej biex ikampaw aħjar quddiem żidiet eċessivi fil-prezzijiet tal-gass kaġun tal-gwerra fl-Ukrajna.
F’kumment li tat aktar kmieni llum, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija, u l-Intrapriza, Miriam Dalli, qalet li dan huwa l-mument deċiżiv biex jintlaħaq kompromess permezz ta’ qbil ta’ prezz massimu li jkun jagħmel sens għall-Istati membri kollha.