Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky qal li l-Ukrajna tinsab lesta għax-xenarji kollha ta’ difiża possibbli kontra r-Russja u l-alleat tagħha l-Belarus.
Zelensky qal li waħda mill-prioritajiet tal-armata Ukrena hi li tiproteġi l-fruntieri tagħha li jmissu mar-Russja u l-Belarus.
Uffiċjali Ukreni ilhom xhur iwissu dwar il-kooperazzjoni bejn il-Belarus u l-forzi Russi. Fil-fatt, illum, il-President Russu Vladimir Putin se jkun qed iżur il-Belarus għall-ewwel darba fi tliet snin u nofs, fi żjara deskritta bħala waħda ta’ ħidma wiesgħa bejn Putin u l-President tal-Belarus Alexander Lukashenko.
Minkejja li l-Belarus ppermettiet li t-territorju tagħha jintuża mir-Russja, li minnha bdiet l-invażjoni fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar li għadda, qatt ma ngħaqdet fil-ġlied direttament. Lukashenko tenna li m’għandu l-ebda intenzjoni li jibgħat it-truppi ta’ pajjiżu fl-Ukrajna.
Ritratt: IMAGO/Ramil Sitdikov / IMAGO/SNA