Erba’ ġimgħat ilu l-grupp tal-hip hop Malti ‘Kapitlu Tlettax’ nieda s-silta ‘Mument Mudlam’ iżda, fi stqarrija ppubblikata fuq il-midja soċjali, il-grupp ħabbar li s-silta kellha titneħħa minħabba “raġunijiet li ma kellniex kontroll fuqhom”, b’mod partikolari s-“suġġett sensittiv”.
Fil-jiem li għaddew, iżda, wara diskussjonijiet, is-silta reġgħet ġiet ippubblikata. Dan l-episodju kien il-punt tat-tluq għal ‘Int Kollox’, silta li għalkemm kienet diġà bdiet tinħadem, kellha tiġi mnedija fil-bidu tas-sena d-dieħla. Fatt interessanti ħafna dwarha hu li, għall-ewwel darba fl-2022, ‘Kapitlu Tlettax’ mhu qiegħed jikkollabora ma’ ħadd u għaldaqstant kemm il-kant, kif ukoll il-partijiet hip hop huma interpretatati minn Joseph Mario Calleja, il-wiċċ ta’ ‘Kapitlu Tlettax’.
‘Int Kollox’ hija s-sitt u l-aħħar rilaxx ta’ ‘Kapitlu Tlettax’ għas-sena 2022. Qed tinħareġ wara ‘Għażiż’ u ‘Ossiġnu’, żewġ kollaborazzjonijiet ma’ Danica Muscat; ‘In Memoriam’, kollaborazzjoni ma’ Patrick Gaffiero u Dawid Szablowski; ‘La Titlaqx’, kollaborazzjoni ma’ Danica Muscat u Maria Cini; u, l-aħħar iżda mhux l-anqas, ‘Mument Mudlam’, kollaborazzjoni ma’ Maria Cini.
“Din is-sena kienet waħda li lanqas biss rajniha għaddejja. Kien hemm ħafna tlajja’ u nżul li esperjenzajna magħkom, is-segwaċi tagħna, u nittamaw li ‘Int Kollox’ tinżel għasel magħkom ukoll,” qal Joseph Mario Calleja. “Għal darb’oħra, din il-kanzunetta kienet ispirata minn storja vera, realtà li forsi aħna lanqas biss nobsru li teżisti. Jiena tgħallimt ma nistagħġeb b’xejn u nittama li l-lirika ta’ din il-kanzunetta, li tassew ktibt mill-qalb, twassal lil xi wħud minnkom biex tieħdu l-pass li forsi ilkom tibżgħu tieħdu.”
Għalkemm dan huwa l-aħħar rilaxx tiegħu għall-2022, ‘Kapitlu Tlettax’ diġà qiegħed jippjana qatigħ għas-sena 2023. Għat-tieni sena konsekuttiva se jkun semifinalist ta’ Mużika Mużika – Festival Kanzunetta Maltija. ‘Wiċċ B’Ieħor’ hija kollaborazzjoni ma’ Julie Pomorski, b’lirika ta’ Emil Calleja Bayliss u Joseph Mario Calleja, u kompożizzjoni ta’ Cyprian Cassar, Joseph Mario Calleja, Edward Magri, u Julie Pomorski.