Dylan Degiorgio ta’ disgħa u għoxrin sena ingħata sentenza ta’ tmintax-il xahar ħabs wara li ammetta għal akkużi ta’ serq, li jgħix ħajja ta’ għażżu li huwa riċediv.
Fil-Qorti nstema’ li l-Pulizija rċeviet diversi rapporti ta’ serq, u minn cameras tas-sigurtà identifikaw lil Degiorgio. Huwa ġie identifikat permezz tat-tpenġija fuq wiċċu u bil-mod ta’ kif jippreżenta ruħu.
Fil-Qorti l-imputat deher li jinsab fi stat ħażin ħafna, tant li l-Maġistrat staqsieh jekk jafx liem ġurnata hi, u f’liem xahar ninsabu fih. Instema’ wkoll li huwa ma jaħdimx u jgħix barra.
Il-prosekuzzjoni stqarret li huwa għandu problema serja tad-droga, tant li meta ġie nterrogat, il-Pulizija kellha tieħu diversi pawżi sabiex l-imputat jiġi f’tiegħu.
Għalhekk, saret it-talba li Degiorgio jieħu l-kura li għandu bżonn b’rabta mal-problema tad-droga mill-aktar fis possibbli.
Il-Qorti kkundannat lill-imputat għal tmintax-il xahar ħabs effettivi.