F’ġimagħtejn 86,000 familja rċevew bejniethom 36 miljun ewro f’beneffiċji soċjali, b’ħafna minnhom igawdu minn aktar minn benefiċċju wieħed.
Analiżi li għamlet il-gazzetta KullĦadd turi li dawn il-familji jirrappreżentaw minn tal-inqas 138,000 tifel u tifla.
Bit-twessigħ tal-faxex tad-dħul fl-għoti tal-In Work Benefit, li kienet miżura tal-budget għal din is-sena, aktar familji issa qed igawdu minn dan il-benefiċċju. Fil-fatt, permezz ta’ din il-miżura, 9,000 familja b’14,000 wild bdew igawdu minn dan il-benefiċċju għall-ewwel darba.
Dawn il-familji ma kellhomx għalfejn japplikaw, hekk kif għall-ewwel darba, dan il-benefiċċju beda jingħata awtomatikatment. Saħanistra, permezz ta’ dan l-eżerċizzju, 10,300 familja oħra b’15,400 tifel u tifla, li kienu intitolati għall-In work benefit, imma għal xi raġuni ma applikawx għalih, beda jingħatalhom ukoll.
Id-19,300 familja tħallsu bejniethom is-somma totali ta’ madwar seba’ miljun ewro f’benefiċċju tal-In-work benefit.
Intant, sas-Sibt, tħallsu l-pagamenti kollha taċ-Children’s Allowence li jkopru l-ewwel kwart tas-sena d-dieħla, b’dan il-pagament il-Gvern investa kważi 12-il miljun ewro fil-familji Maltin u Għawdxin.’ Dan l-ewwel pagament ingħata f’dan iż-żmien biex il-familji jkunu jistgħu jippjanaw il-finanzi tagħhom aħjar anke minħabba ż-żminijiet ta’ festi.
Ta’ min jinnota wkoll, li-għajnuna f’dan ir-rigward, mis-sena d-dieħla se tiżdied. Dan bħala parti minn wegħda elettorali tal-Partit Laburista, li sal-aħħar ta’ din il-leġiżlatura, is-suppliment se jiżdied għal €450.
Is-suppliment għas-sena d-dieħla żdied minn €17.50 għal €40 għal kull wild kull tliet xhur għall-persuni li d-dħul tagħhom fis-sena ma jaqbiżx il-€25,924. Filwaqt, li l-allokazzjoni għal min jaqbeż dan id-dħul tela għal €35 minn €12.50 għal kull wild.
Matul din il-ġimgħa, skatta wkoll mekkaniżmu ġdid għall-familji u individwi bi dħul baxx biex jingħataw żieda addizzjonali għall-għoli tal-ħajja apparti l-COLA meta l-inflazzjoni, b’mod globali, tiżdied aktar minn tnejn fil-mija u fl-istess waqt ikun hemm żieda fl-inflazzjoni ta’ tlieta minn ħames komponenti bażiċi fl-indiċi tal-prezzijiet bl-imnut. U f’każ li r-rata tal-inflazzjoni tinżel, din titħallas bl-istess rata tas-sena ta’ qabel.
Din l-għotja addizzjonali se tammonta bejn il-minimu ta’ €100 sa massimu ta’ €1,200. Dan il-pagament se jingħata darba f’sena direttament mill-Istat.
Dawn il-benefiċċji u oħrajn huma parti mill-politika soċjali ta’ Gvern Laburista, filwaqt li qed jassorbi wkoll l-effetti drastiċi tal-gwerra fl-Ukrajna. Fil-fatt, minflok implimenta miżuri ta’ awsterità, bħal pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern Malti wieżen liċ-ċittadini tiegħu b’aktar milli mistenni.
Dan ġie nnotat ukoll fi stħarriġ tal-Unjoni Ewropea, li ġie ppubblikat ġimgħa ilu, fejn instab li sa nofs din is-sena l-Maltin u l-Għawdxin kellhom it-tielet l-inqas diffikultajiet biex ikampaw mal-ħajja minħabba l-ispejjeż.