Graziella Debono ta’ ħamsa u erbgħin sena nżammet arrestata wara li wieġbet mhux ħatja għal akkużi ta’ ksur ta’ ordnijiet mill-Qorti.
Fil-Qorti nstema’ kif l-akkużata kellha ordnijiet minn żewġ Maġistrati sabiex tiffirma f’żewġ bail books, iżda hija kienet ilha ma tagħmel dan minn Jannar ta’ din is-sena.
Instema’ wkoll li hija kellha indirizz il-Għargħur, iżda ma kinitx infurmat lill-Pulizija b’dan minkejja li ġiet ordnata mill-Qorti biex tagħmel hekk.
Instema’ kif fis-sittax ta’ Diċembru, il-Pulizija daħlitilha informazzjoni li l-imputata kienet f’ħanut li jaqta’ x-xagħar fil-Fgura, u għalhekk il-Pulizija marret fuq il-post u arrestatha.
Id-difiża tal-imputata ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest, u għalhekk inżammet taħt arrest.