Ġew anke tfal ta-iskola jġibu r-rigali taħt is-siġra għal tfal oħra li m’għandhomx ix-xorti li jkollhom rigal taħt is-siġra tal-Milied tagħhom.
Dan kien kliem l-Uffiċjal tal-Komunità tal-LESA Ernest Grima li, flimkien mal-kollega tiegħu Darren Vella, il-Ġimgħa kienu qed jilqgħu r-rigali taħt is-siġra tal-Milied fi Pjazza Kastilja.
L-Uffiċjal tal-Komunità tal-LESA qal li “rajt tfal mill-iskejjel, ġew iwaddbu r-rigali tagħhom għal taħt is-siġra u anke xi familji mat-tfal tagħhom ”.
Bħalissa, taħt din is-siġra tal-Milied, qed jinġabru r-rigali illi, qrib Jum il-Milied, se jitqassmu lil tfal fil-bżonn. Dan qed isir bħala parti mill-inizjattiva ta’ mart il-Prim Ministru Lydia Abela u binthom Giorgia Mae, li għat-tielet sena konsekuttiva qed jagħmlu appell ieħor lill-Maltin u l-Għawdxin biex jaħsbu f’rigal għal tfal fil-bżonn.
Ir-rigali se jibqgħu jinġabru sal-21 ta’ Diċembru; imbagħad, qabel ma jitqassmu lit-tfal, se jiġu skenjati u mpoġġija flimkien, fost l-oħrajn, skont l-etajiet.
It-tqassim se jsir minn numru ta’ korpi dixxiplinati, fosthom il-LESA.
Huwa spjega li se “inkunu qegħdin mal-forzi ddixiplinati l-oħra illi nkunu qegħdin inqassmu r-rigali lill-familji”
‘Rigal bi Mħabba’ hija inizjattiva li tara li t-tfal kollha Maltin u Għawdxin jesperjenzaw il-ferħ li jġibu magħhom ir-rigali f’dawn iż-żminijiet.
Din is-sena l-inizjattiva ‘Rigal bi Mħabba’ qed tinfirex ukoll mal-irħula f’Malta u f’Għawdex.