Il-Ministru għall-Affarjiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg laqa’ lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ tal-Unergija, Péter Szijjártó, għal laqgħa bilaterali.
Il-Ministru Borg qal li, fejn jidħol il-kummerċ ta’ Malta mal-Ungerija, dawn l-aħħar ħames snin kienu ta’ titjib sinifikanti, iżda xorta hemm l-impenn sabiex dan ikompli jiżdied.
Filwaqt li nnota li bħalissa hemm tliet kumpaniji Maltin stabbiliti fl-Ungerija, il-Ministru Borg qal li jemmen li hemm iżjed setturi li Malta tista’ toffri l-esperjenza tagħha fihom, fosthom it-tagħlim tal-Ingliż. Għalhekk, il-gvern Malti huwa lest li jkompli jiffaċilita dan b’risq aktar koperazzjoni mal-Ungerija.
Waqt il-laqgħa tagħhom intqal ukol li hemm potenzjal sabiex ikun hemm kollaborazzjoni fuq ħidma konsulari bejn iż-żewġ pajjiżi.
Anki l-migrazzjoni kienet diskussa bejn iż-żewġ Ministri, li qablu dwar il-bżonn ta’ solidarjetà mill-Istati membri kollha tal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam.
Il-Ministru Borg ħa din l-opportunità sabiex jitkellem ukoll dwar il-prijoritajiet ta’ Malta fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti meta se tkun qed tokkupa post mhux permanenti fis-sentejn li ġejjin.
Stqarr li pajjiżna se jkun qed jagħti importanza lejn l-oqsma tal-litteriżmu u l-edukazzjoni, it-tfal affettwati mill-kunflitti, l-irwol tan-nisa fit-tisħiħ tal-paċi, u t-tibdil fil-klima u l-impatt tiegħu fuq Stati żgħar.
Ma naqasx ukoll li jiġu diskussi l-aħħar żviluppi marbuta mal-kriżi tal-enerġija u s-sanzjonijiet fuq ir-Russja.
Il-Ministru Borg qal li, issa iktar minn qatt qabel, il-konnessjonijiet bejn pajjiżna u l-Ungerija huma b’saħħithom, u għalhekk jeħtieġ li ż-żewġ pajjiżi jieħdu vantaġġ minn din il-konnessjoni.
Qal, “Issa għandna Wizz Air li tikkumplimenta Ryanair u tkompli tgħaqqad lil Malta ma’ Budapest, il-kapitali Ungeriża, b’sitt titjiriet fil-ġimgħa, u allura dik hija tajba għat-turiżmu u għan-negozji. Il-fatt li nixtiequ nkomplu naraw studenti Ungeriżi jistudjaw l-ingliż f’pajjiżna, xi ħaġa li qed iħallas għaliha l-gvern Ungeriż.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru Péter Szijjártó qal li huwa importanti li żjarat bħal dawn huma isiru minn żmien għall-ieħor.
Temm jgħid li, minkejja d-differenza fid-daqs, Malta u l-Ungerija għandhom numru ta’ similaritajiet, u allura l-komunikazzjoni bejniethom tibqa’ għodda importanti.