Skont l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, l-Eurostat, ix-xahar li għadda r-rata tal-inflazzjoni annwali ta’ Malta naqset u kienet fost l-iktar baxxi fl-Unjoni Ewropea. Kienet ukoll sostanzjament iktar baxxa mir-rata medja tal-Unjoni Ewropea, li kienet 11.1 fil-mija, u taż-Żona tal-Ewro, li kienet 10.1 fil-mija.
Fil-fatt, ir-rata tal-inflazzjoni annwali ta’ Malta kienet 7.2 fil-mija, u kienu biss Franza u Spanja li rreġistraw rati aktar baxxi minn pajjiżna, b’7.1 fil-mija u b’6.7 fil-mija rispettivament.
L-ogħla rati ta’ inflazzjoni annwali fl-UE ġew irreġistrati fl-Ungerija, bi 23.1 fil-mija, fil-Latvija, b’21.7 fil-mija, u fil-Litwanja u fl-Estonja, it-tnejn b’21.4 fil-mija.
Ir-rata tal-inflazzjoni annwali tkejjel il-bidliet medji fil-prezzijiet f’xahar partikulari meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena ta’ qabel.
Ir-rata tal-inflazzjoni annwali naqset fl-Unjoni Ewropea, minn 11.5 fil-mija f’Ottubru 2022 għal 11.1 fil-mija f’Novembru 2022. Fiż-Żona tal-Ewro naqset minn 10.6 fil-mija f’Ottubru għal 10.1 fil-mija f’Novembru. F’Malta, ir-rata kienet ta’ 7.4 fil-mija f’Ottubru u niżlet għal 7.2 fil-mija x-xahar li għadda.
L-Eurostat irrapporta li l-aktar li kkontribwew biex togħla l-ħajja madwar l-Ewropa fNovmebru kienu l-enerġija, ui wara l-ikel, l-alkoħol, u t-tabakk, is-servizzi, u prodotti industrijali mhux tal-enerġija.