L-Infrastructure Malta għadha kemm bdiet proġett b’investiment li hu stmat li se jammonta madwar €4 miljun biex tibni mill-ġdid Triq il-Kbira San Ġużepp, triq importanti mifruxa fuq żewġ lokalitajiet: Santa Venera u l-Ħamrun.
Din it-triq, b’tul ta’ madwar 2 kilometri, tibda minn mar-roundabout tal-Arkata ta’ Wignacourt (magħrufa wkoll bħala l-Bieb ta’ Fleur-de-Lys) f’Santa Venera u tibqa’ sejra sa kantuniera ma’ Triq Schembri, il-Ħamrun. Minħabba l-istat li tinsab fiha, kien hawn stennija kbira biex tinbena mill-ġdid.
Minħabba t-tul tagħha kif ukoll kaġun tal-għadd kbir ta’ vetturi li jgħaddu minnha kuljum f’kull ħin tal-ġurnata, l-Infrastructure Malta fasslet dan il-proġett fuq għadd ta’ fażijiet differenti. B’hekk, tnaqqas l-impatt u l-inkonvenjent fuq din ir-rotta tant importanti bl-aħjar mod possibbli.
Qabel ma jissaħħu l-pedamenti tat-triq u jinbnew il-karreġġjati tagħha f’kull direzzjoni kif inhi bħalissa, l-Infrastructure Malta se tkun qed tagħmel xogħlijiet estensivi biex tibdel s-sistemi eżistenti li hemm għaddejjin minn taħt l-art għas-servizzi tal-ilma, is-servizzi tad-dawl, servizzi ta’ telekommunikazzjoni, kif ukoll servizzi tad-drenaġġ. Se jinbnew mill-ġdid il-bankini taż-żewġ naħat tul it-triq, għal aċċess aħjar u aktar sikur għal kull min jgħaddi bil-mixi.
Dan il-proġett mistenni jieħu madwar sena biex jitlesta.