Meta indirizzat lill-mexxejja tal-Istati membri tal-Unjoni Ewropea waqt il-laqgħa tal-Kunsill Ewropew fi Brussell, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tkellmet dwar il-każ tal-korruzzjoni li mess mill-qrib lit-tmexxija ta’ din l-istituzzjoni Ewropea – każ li qed jiddomina l-aħbarijiet madwar l-Unjoni Ewropea kollha u anki lil hinn minnha. Għal darb’oħra, hija reġgħet iddeskriviet dan l-iskandlu bħala attakk fuq il-Parlament Ewropew.
Kien nhar il-Ġimgħa li għadda meta Eva Kaili, Viċi President tal-Parlament Ewropew, ġiet arrestata mill-Pulizija Belġjana f’operazzjoni kontra l-korruzzjoni. Il-Ħamis, ġie rrappurtat li l-avukat tagħha ċaħad li hija xxaħħmet mill-Qatar u qal li hija mxiet biss mal-ordnijiet mill-President tal-Parlament, Roberta Metsola.
Meta ġie mistoqsi dwar l-aħħar żviluppi dwar din il-kwistjoni fi tmiem il-laqgħa għolja tal-mexxejja Ewropej, il-Prim Ministru Robert Abela qal li wieħed għad irid jara jekk hux il-każ ta’ attakk fuq il-Parlament Ewropew jew inkella jekk dan hux riżultat ta’ kif jaħdem il-Parlament Ewropew.
“Jekk huwiex attakk fuq il-Parlament Ewropew jew il-konsegwenza naturali ta’ prattiċi li ma tantx għandhom mit-trasparenza li kienu ilhom iseħħu, minn dak li sirna nafu issa fil-Parlament Ewropew għal medda ta’ snin, u kienu prattiċi li kienu qed igawdu minnhom tista’ tgħid il-Membri Parlamnetari Ewropej kollha, is-700 li huma, wieħġed irid jara u dak għadu għad-diskussjoni pubblika.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Dwar il-fatt li, fid-diskors tagħha waqt il-Kunsill Ewropew, Roberta Metsola wiegħdet li, wara dan l-iskandlu, se tagħmel riforma fis-sistemi ta’ kif jaħdem il-Parlament Ewropew, il-Prim Ministru Abela qal li wieħed irid jara wkoll jekk it-tmexxija Ewropea għandhiex il-kredenzjali jew le li twettaq dan meta hija stess prodott tas-sistema nnifisha.
“Jekk hemmx il-kredenzjali jew le tat-tmexxija Ewropea li tagħmel dawk ir-riormi fis-sistemi meta hija stess hija prodott ta’ dik is-sistema, wieħed għad irid jara wkoll id-diskussjoni kif sejra tiżvolġi. Wieħed jistaqsi wkoll jekk kellux lok li jinqala’ dan il-każ biex sistemi li kien apertament magħruf li huma ħżiena jiġu indirizzati u forsi kien korrett ħafna l-kumment li għamel ilbieraħ il-Prim Ministru Belġjan, li staqsa għaliex kellhom ikunu l-awtoritajiet Belġjani li jagħmlu x-xogħol li kien mistenni li jitwettaq mid-diriġenti tal-Parlament Ewropew.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li kien hemm qbil fil-Kunsill li din is-sitwazzjoni hija kwistjoni tal-Parlament Ewropew li jrid isolviha l-Parlament Ewropew innifsu.