“Il-pożizzjoni li ħa l-gvern Malti sabiex ikun ta’ spalla għall-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin fi żminijiet ta’ sfidi internazzjonali b’rabta mal-enerġija kienet waħda korretta.”
Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela f’kummenti li ta wara li ntemm l-aħħar Summit tal-Kunsill Ewropej għal din is-sena fi Brussell.
Il-Prim Ministru qal li s-settur tal-enerġija kien fuq nett tal-aġenda fil-laqgħa bejn il-mexxejja Ewropej u spjega x’inhu l-pass li jmiss għall-jiem li ġejjin.
“Għal darb’oħra l-pożizzjoni li ħa pajjiżna f’dan l-aħħar xhur, li jappoġġja kemm jista’ lill-poplu tiegħu [fil-qasam tal-enerġija], kienet waħda li kien hemm qbil fil-Kunsill Ewropew li hija l-pożizzjoni korretta. Naturalment, reġa’ feġġ illum kemm hija ta’ sitwazzjoni inkwetanti l-pressjoni fuq is-settur tal-enerġija. Nhar it-Tnejn li ġej wieħed qed jistenna li jintlaħaq qbil fi ħdan il-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija u hemmekk tajna direzzjoni waħda ċara biex jekk jista’ jkun fis-19 ta’ Diċembru jkun hemm il-konklużjoni ta’ din id-diskussjoni, u huwa importanti fejn tidħol il-parti tal-price caps għax din imbagħad tkompli mal-kompettitività tal-ekonomija Ewropea, suġġett li ddiskutejna llum, u direttament allaċċjata mal-kwistjoni tal-enerġija.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fid-diskussjonijiet fi Brussell saret referenza wkoll għall-att li se jiġġieled l-inflazzjoni fl-Istati Uniti u dwar x’impatt dan se jkollu fuq il-kompetittività tal-ekonomija Ewropea.
Dwar l-istess tema, fosthom dwar l-enerġija rinnovabbli, il-Prim Ministru qal li dan kollu se jibqa’ jiddomina d-diskussjonijiet fil-laqgħat bejn il-mexxeja Ewropej għax-xhur li ġejjin.
“Naturalment se nidħlu għal sena oħra illi s-suġġett tal-enerġija se jibqa’ l-aktar wieħed li jkun ta’ diskussjoni importanti fix-xhur jew snin li ġejjin, l-alternattivi għall-enerġija tradizzjonali, l-enerġija rinnovabbli, suġġett li anke tkellimna fuqu llum, u s-sena d-dieħla nemmen li se jkun suġġett li nibqgħu nittrattaw dwaru.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fid-diskussjonijiet bejn il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ssemma wkoll il-potenzjal li jeżisti fil-pajjiżi Afrikani, bil-Prim Ministru Malti jisħaq kif l-Afrika għandha ferm x’toffri, fosthom bosta riżorsi u opportunitajiet.
“Punt li semmejtu aktar minn darba kien il-potenzjal li jeżisti fl-Afrika, li ma nħarsux lejn dan il-kontinent bħala wieħed ta’ problemi imma wieħed ta’ riżorsi u opportunitajiet. Biex inkunu nistgħu nisfruttaw dawk l-opportunitajiet ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat, irridu nittrattawhom bħala partners ugwali tagħna u ma narawhomx biss bħala sors ta’ immigrazzjoni għax, fl-aħħar mill-aħħar, ħafna mill-pajjiżi fl-Afrika għandhom l-immigrazzjoni li hija problema għalihom ukoll.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru qal li f’dan l-aħħar Summit għal din is-sena ra kordjalità b’saħħitha bejn is-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea u sosta li jemmen li dan id-djalogu huwa l-mod korrett ta’ kif flimkien se nimxu ’l quddiem.