Il-Belt Valletta għal dawn il-ġranet sbieħ tal-Milied tlibbset libsa eleganti u sabiħa addattata ferm għal din il-festa: atmosfera festiva u ta’ ċelebrazzjoni.
It-toroq fil-kapitali, imlewna bl-armar sabiħ u bi dwal festivi u kkuluriti, fl-isfond tad-daqq tal-għanjiet tal-Milied bħal donnhom jistiednu lin-nies biex din is-sena jgawdu iktar minn qatt qabel il-Belt Valletta.
Il-faċċati tal-Palazz tal-Gran Mastru u l-Każin Malti fi Pjazza San Ġorġ, fost oħrajn, iżżejnu b’mod li joħolqu atmosfera mill-isbaħ, kollha lwien.
Il-vetrini tal-ħwienet imsebbħa u mżejna għall-okkazzjoni, qed jilqgħu lil eluf li, dis-sena, kuntrarju għall-aħħar sentejn minabba l-pandemija, qed joħonqu l-Belt Valletta. Saħansitra l- attività kummerċjali tinsab fl-aqwa tagħha.
Is-sidien tal-ħwienet u tar-ristoranti li tkellimna magħhom saħqu li l-Milied ta’ din is-sena jidher li se jkun wieħed b’saħħtu għalihom.
Tkellimna man-nies li nzertajna l-Belt dwar għaliex jagħżlu li jidħlu l-Belt kapitali f’dawn il-ġranet.