Il-President George Vella laqa’ lin-Nunzju Appostoliku l-ġdid għal Malta, Savio Hon Tai-Fai.
Wara l-preżentazzjoni formali tal-Ittri ta’ Kredenzjali tiegħu, in-Nunzju Appostoliku wassal it-tislijiet f’isem il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku lill-President Vella u lill-poplu Malti u Għawdxi.
Enfasizza wkoll ir-relazzjonijiet amikevoli u li ilhom għal żmien twil bejn Malta u l-Vatikan.
Il-President Vella fakkar iż-żjara f’Malta mill-Papa Franġisku u qal li l-poplu Malti, kif ukoll id-diversi komunitajiet barranin preżenti, kienu kuntenti ferm li jilqgħu u, f’għadd ta’ każijiet, jiltaqgħu wkoll personalment mal-Qdusija Tiegħu. Il-messaġġi mwassla matul din iż-żjara, b’mod speċjali b’rabta mal-migrazzjoni, il-multikulturaliżmu u l-ħarsien tal-ambjent globali kienu importanti ferm.
Matul il-laqgħa, ġew diskussi wkoll l-iżviluppi fir-reġjun tal-Mediterran kif ukoll l-aktar sitwazzjoni reċenti fl-Ukrajna.