Fit-tieni semi finali tat-Tazza tad-Dinja Qatar 2022, Franza għelbu lil Marokk 2 – 0 biex b’hekk nhar il-Ħadd ser jilgħabu fil-finali kontra l-Arġentina li min-naħa tagħhom ilbieraħ rebħu kontra l-Kroazja.
Riżultat li jista jitqies bħala wieħed kiefer mal-Marokk fejn attakkaw fuq li attakkaw iżda qatt ma rnexxielhom jegħlbu lid-difiża Franċiża partikolarment lill-goalkeeper Hugo Lloris.
Franza fil-vantaġġ wara biss ħames minuti logħob meta Theo Hernandez irnexxilu jsib ix-xibka avversarja meta mill-viċin għeleb lill-goalkeeper Bono. Ir-reazzjoni tal-Marokk ma’ waslitx mill-ewwel iżda kull ma jmur it-tim Afrikan beda jikber fil-logħob tiegħu tant li eżatt qabel il-mistrieħ laqtu l-lasta permezz ta’ El Yamiq.
Fit-tieni taqsima l-Marokk ħarġu iżjed aggressivi u irnexxilhom joħolqu periklu serju f’numru ta’ okkażjonijiet fejn f’uħud minnhom kienu sfortunati li ma sabux ix-xibka. Madankollu l-esperjenza ta’ Franza waslet għat-tieni gowl għat-tim immexxi minn Didier Deschamps hekk kif fil-79 minuta, wara azzjoni mill-aqwa ta’ Mbappe, Randal Kolo Muani li kien ilu biss sekondi fil-grawnd, mill-viċin għamel l-iskor 2 – 0.
Minn hawn il-quddiem Franza ikkontrollaw biex ħadu dak li xtaqu mill-partita bil-Marokk joħorġu b’rashom mogħlija minkejja l-eliminazzjoni.
Ritratt: Getty Images / BBC