Il-President George Vella esprima l-apprezzament tiegħu għall-ħidma essenzjali tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika – NAO.
Waqt it-tnedija tal-ktieb “State Audit in Times of Transition – Reflections on Change and Continuity, Challenge and Opportunity from Malta and Beyond” maħruġ mill-NAO f’għeluq il-25 sena mit-twaqqif tiegħu, il-President Vella osserva l-maturità li hemm fir-rakkomandazzjonijiet u l-kritika ma’ kull rapport li jiġi ppubblikat mill-NAO.
L-aqwa premju, qal il-President, li jiksbu l-Awditur Ġenerali, id-Deputat Awditur Ġenerali u l-ħaddiema tal-NAO huwa li għandhom il-fiduċja tal-poplu.
Il-President Vella qal li f’dan l-isfond ta’ inċertezzi globali, iċ-ċittadin ifittex punt ta’ riferiment li joffri stabbilità u permanenza. Għaldaqstant, il-President żied li r-rekord eċċellenti li ħalla l-NAO jisboq is-sempliċi twettiq ta’ ħidma tiegħu ta’ kuljum,u huwa fundamentali għas-sens kollettiv ta’ fiduċja tal-poplu.