Studenti, ġenituri, u għalliema tal-Kulleġġ San Benedittu qadfu bir-roti mill-iskola sekondarja ta’ Ħal Kirkop sad-Dar tal-Providenza u lura, biex jagħtu donazzjoni ta’ aktar minn elf ewro li ġabru huma stess għal din id-dar li tgħin lil persuni li għandhom diżabilità.
Din l-inizjattiva ippromwoviet ukoll il-benefiċċji ambjentali meta wieħed juża r-rota minflok il-karozza.
Minbarra dawn il-benefiċċji, ir-rota tgħin biex wieħed jieħu ħsieb saħħtu, għax waqt li r-rota hija mezz ta’ trasport, min jużaha jkun qed jagħmel ukoll eżerċizzju fiżiku.
One News iltaqa’ u tkellem mal-istudenti meta, immexxija mill-uffiċjali tal-komunità, dehru deħlin lura l-iskola f’Ħal Kirkop. Qalulna hekk:
“Iddeċidejt li nieħu sehem biex nagħti kelma lil Malta u lid-dinja kollha biex jużaw ir-rota flok il-karozza”
“Biex nieħdu ħsieb l-ambjent ħalli nnaqqsu l-użu tad-dijossidu tal-karbonju”.
L-assistent kap ta’ din l-iskola, Josue Galea, spjega li din l-inizjattiva saret kemm biex tħajjar iktar studenti jużaw ir-rota kif ukoll biex jagħtu donazzjoni għal xi ħaġa gusta.
“L-inizjattiva bdiet hekk kif għandna grupp ta’ studenti tal-ekoskola, u ilhom mis-sena l-oħra, biex min jista’ jiġi l-iskola bir-rota minflok bil-karozza minħabba green traveling u biex jiġi evitat it-tniġġis. Din is-sena bdejna biex naħsbu li nistgħu ngħaqqdu din il-ħaġa ma’ xi ħaġa għall-karità”.
Din hija l-ewwel darba li saret din l-inizjattiva. Intqal li din mistennija tibqa’ tikber kull sena sabiex jippromovu l-użu tar-rota kif ukoll il-ġbir għal skopijiet filantropiċi.