Mijiet ta’ partitarji tal-futbol Marokkini jisabu diżappuntati ferm hekk kif fl-aħħar minuta ġew ikanċellati titjiriet lejn il-Qatar għas-semifinali tat-Tazza tad-Dinja ta’ nhar l-Erbgħa.
Il-linja nazzjonali tal-Marokk – Royal Air Maroc – kien ippjanat li topera seba’ titjiriet addizzjonali qabel il-logħba.
Hija ħadet id-deċiżjoni wara li l-FA tal-Marokk wegħdet li se tagħti lill-partitarji 13,000 biljett b’xejn għall-logħoba kontra Franza.
Iżda nhar l-Erbgħa, Royal Air Maroc qalu li uffiċjali tal-Qatar imblukkaw it-titjiriet.
“Wara l-aħħar restrizzjonijiet imposti mill-awtoritajiet tal-Qatar, Royal Air Maroc jiddispjaċiha li jkollha tinforma lill-klijenti bil-kanċellazzjoni tat-titjiriet tagħhom operati minn Qatar Airways,” qalet il-linja tal-ajru fi stqarrija lill-aġenzija tal-aħbarijiet Reuters.
Għadu mhux magħruf għaliex uffiċjali tal-Qatar ordnaw lill-linja tal-ajru biex twaqqaf it-titjiriet, u l-uffiċċju ċentrali tal-komunikazzjoni tal-gvern għad irid jikkummenta.