Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech baqa’ ma ddispjaċihx għad-diskors li kellu fil-Parlament, deskritt minn ħafna bħala xokkanti u insensittiv, fil-konfront ta’ Andrea Prudente.
Dan deher ċar waqt li Bernard Grech, mill-ġdid, reġa’ ġie mistoqsi dwar din il-kwistjoni minn ġurnalist tat-Times of Malta, li l-editur tagħha ċanfar bil-kbir lil Bernard Grech u qallu li għandu jiskuża ruħu.
Madankollu Bernard Grech baqa’ juri kif ma ddispjaċih xejn.
Ġurnalist – “Taħseb li l-kummenti tiegħek kienu f’posthom imma?”
Bernard Grech – “Tkellimt ukoll dwar il-każ ta’ Prudente, tkellimt dwar il-fatti meta tkellimt li Andrea Prudente qabdet l-ajruplan , 20 siegħa biex waslet Malta.”
Din mhux l-ewwel darba li Bernard Grech irrifjuta li japoloġizza għad-diskors tiegħu fil-Parlament, waqt id-diskussjoni dwar l-emenda fil-kodiċi kriminali li tipproteġi l-professjonisti u l-mara waqt it-tqala f’każijiet ta’ kumplikazzjonijiet mediċi li jpoġġula saħħitha f’periklu gravi.
Ma’ One News Bernard Grech saħansitra qal li dawrulu kliemu.
Ġurnalist – “Dr Grech – Se tapoloġizza għad-diskors li għamilt? Ħafna qalulek li stajt weġġajt ħafna nisa…”
Bernard Grech – “Naħseb li meta wieħed jitkellem fuq affarijiet daqshekk sensittivi, irid joqgħod attent kif jabbuża mill-mod ta’ kif jipprova jdawwar, anke min-naħa tagħkom.”
Ġurnalist – “Qed indawruha? Kburi, jiġifieri, b’dak li qed tgħid? “
Bernard Grech – “Ħa nibqa’ naħdem u nistinka. L-issue huwa l-abort.”
Madankollu filwaqt li Bernard Grech qal li qed idawrulu kliemu, ta’ opinjoni oħra kienu diversi edituri, ġurnaliti, professjonisti, akkademiċi u għaqdiet differenti.
Fost ħafna oħrajn il-Moviment Graffiti talab għar-riżenja ta’ Bernard Grech filwaqt li l-gazzetta MaltaToday, qalet li l-Kap Nazzjonalista huwa ‘Unfit for Purpose.’
Dan wara li Grech fil-Parlament, ipprova jiżżufjetta b’kunjom persuna f’emerġenza medika u joħloq dubju fuq is-sitwazzjoni tagħha.
“Mara Amerikana li kienet tqila vvaġġat iktar minn 20 siegħa ajruplan biex tiġi Malta; qaltilna, għall-babymoon.”
“Taret aktar minn 20 siegħa u riedet tagħmel abort, it-tobba u n-nurses tagħna, għax prudenti…”
Din l-insensittività fid-diskors ta’ Bernard Grech kienet fuq l-istess frekwenza ta’ dak li kien kiteb l-eks deputat tal-Blue Heroes, Jason Azzopardi.
Fuq il-Facebook, Azzopardi allega li Prudente nġiebet apposta f’pajjiżna biex, fi kliemu, titqajjem kontroversja. Allegazzjoni li Azzopardi laqqat libell fuqha.
Intant din l-insensittività mill-Kap Nazzjonalista, inqabdet ukoll mis-sit internazzjonali tal-aħbarijiet, VICE News.