Bħala parti mill-istrateġija tal-Gvern li jgħin u jkattar aktar l-industrija tal-films lokali, ġie mniedi programm b’investiment ta’ sitt mitt elf ewro bl’isem ta’ Malta Kreattiva.
L-għan ewlieni ta’ dan il-programm huwa li jagħti sostenn għal min hu interessat jibda jew jkompli jitħarreġ fl-industrija tal-films.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Kummissarju tal-films Johan Grech spjega li semgħu l-opinjonijiet ta’ dipartimenti differenti f’din l-industrija u nedew pjattaforma ewlenija fejn produtturi lokali jistgħu japplikaw u l-istejjer tagħhom jagħmluhom realta.
Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo qal kif f’dawn l-aħħar disa’ snin din l-industrija dejjem rat żieda fl-investimenti allokati għaliha biex produtturi Maltin ikollhom suċċess ukoll barra minn pajjiżna.
Huwa aċċenna li b’dan il-programm qed nkomplu niftħu bibien ta’ opportunitajiet f’din l-industrija tant importanti f’pajjiżna.
Dan il-programm se jkun miftuħ is-sena kollha.